Il-viżjoni u l-ħolma tiegħi għall-knisja hija waħda li bħala knisja nerġgħu mmorru lura għall-għeruq – il-Kelma ta’ Alla – u nerġgħu niskopru l-qawwa tat-talb.
“U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered dejjem aktar;
l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm,
u kotra kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.”
Atti 6:7
L-ewwel insara kienu jemmnu fil-qawwa tat-talb u l-Kelma, u għalhekk kienu jaraw mirakli liema bħalhom. It-tama tagħhom ma kinitx f’kemm jagħmlu attivitajiet tajbin, lanqas f’kemm jipprietkaw tajjeb jew f’xi strateġija partikolari iżda fit-talb u l-Kelma ta’ Alla.
Kienu konvinti li l-kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija, tinfed u tgħarbel il-qalb.