Il-Knisja hija “L-Ikona tat-Trinità” (Mons. Bruno Forte). Ikona qatt ma teżisti għaliha nfisha imma dejjem biex isservi lil min qed jilmaħha fiż-żmien biex jintlaħaq minn Alla li jgħix fl-eternità. M’għandhiex dawl tagħha imma tinkiteb biex ixxerred id-dawl ta’ Alla. Fl-ikona ta’ Andrei Rublev li tissejjaħ, fost l-oħrajn, “It-Trinità”, il-persuni jindikaw u jsaħħu lil xulxin; igħixu għal xulxin. M’hemmx ġerarkija bejniethom imma d-differenzi bejn il-persuni jikkonstitwixxu u jagħmlu possibbli l-għana tal-għaqda tagħhom. It-tlieta jgħixu f’perikoresi – għal xulxin.
Din l-ikona jindikalna min hu Alla għalina; aħna wkoll irridu nagħtu xhieda ta’ min hu Alla lill-oħrajn. U aħna u nagħmlu dan ejjew dejjem niftakru li l-kenosis tiġi qabel it-theosis – it-triq lejn Alla tgħaddi dejjem mis-salib ta’ Kristu. Fl-ikona hemm ukoll rappreżentazzjoni tal-kruha tad-dnub fil-kwadru sewdieni fin-naħa ta’ isfel tal-ikona, imma l-Ewkaristija – rapreżentata fil-kalċi fuq il-mejda mimli bl-ikla sagrifikata– hi t-tama ċerta tagħna.
Il-ħajja tagħna fil-Knisja tfisser li flimkien, permezz tal-Ewkaristija, niġu trasformati iżjed u iżjed biex nikbru dejjem iżjed fl-għaqda bejnietna u nsiru dejjem iżjed dixxipli missjunarji, aħna u nipparteċipaw fil-ħajja tat-Trinità li hi dejjem miftuħa għalina. L-isem l-ieħor spiss attribwit lill-ikona hi “Ix–Xenophilia ta’ Abraham” u dan l-isem, li jeħodna lura għal Ġenesi 18, 1-15, ifakkarna fl-importanza li nilqgħu lil xulxin. Kif isostni l-awtur tal-Ittra lil-Lhud “Ħa tibqa’ magħkom l-imħabba tal-aħwa. Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (Lhud 13, 1-2). L-imħabba ta’ Alla Trinità tissawwab fina biex aħna, b’imħabba, nilqgħu u takkumpanjaw lil oħrajn.