L-Attitudni tan-Nisrani matul l-Avvent

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
Mt 24:37-44

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.

Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Dan il-Vanġelu jimmarka l-bidu ta’ sena liturġika ġdida għaliex huwa ppreżentat propju fl-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent biex jagħraf l-attitudni li għandu jkollu n-Nisrani huwa u jħejji ruħu għal Ġesù. Permezz ta’ din il-Kelma, Alla qed isejjħilna biex niftħu moħħna u qalbna għat-tieni miġja ta’ Kristu. Ġesù jsemmi żmien Noe fejn il-poplu kien jaħseb biss fih innifsu u għalhekk kien hemm vjolenza u tbatija kbira. Ġesù jistedinna biex ma nibqgħux ngħixu ħajja passiva imma nħejju post għal Alla f’ħajjitna. L-Avvent huwa żmien biex inħollu ruħna mir-rabtiet tagħna, jiġifieri, ma nintilfux fis-suċċessi personali imma nagħtu spazju lil Alla jaħdem f’ħajjitna. Għalhekk, Ġesù jagħtina l-eżempju tal-familja ta’ Noe li tidħol fl-arka biex tipproteġi ruħha mill-influwenzi tad-dinja. Noe, għax sema’ lil Alla, ma kienx immexxi mill-aljenazzjonijiet imma ħalla lil Alla jaħdem fil-ħajja tiegħu billi kien attent għall-Kelma t’Alla. Dan huwa l-istess atteġjament li għandu jkollna bħala Nsara billi nippreparaw ruħna għall-miġja ta’ Kristu permezz tal-qari tal-Kelma ta’ Alla, insibu ħin għat-talb u nagħmlu karità mal-proxxmu. L-Avvent għandu jkun żmien ta’ grazzja biex inħallu lil Alla jissorprendina b’imħabbtu. Dan l-atteġjament ta’ stennija għandu jagħtina kuraġġ, aħna u ntennu bil-qalb: “Fittex ejja Mulej!”



Mistoqsijiet ta’ riflessjoni:

1. Kemm qiegħed inkun attent biex inħejji post għal Alla fil-ħajja tiegħi?

2. X’azzjonijiet konkreti se nagħmel matul l-Avvent jiena u nistenna lil Kristu jgħammar f’qalbi? 

3. Se nagħti l-impenn tiegħi biex naqra  u nitlob permezz tal-Kelma ta’ Alla? 


Talba: Nitolbuk Mulej Ġesù biex dan iż-żmien tal-Avvent ikun żmien ta’ grazzja fil-ħajja biex nitgħallmu nħejju post għalik fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.