Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu


Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
 Lq 23, 35-43
 
F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.
 
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.
 
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

ALLA, SULTAN U ĦAKKIEM TA’ KOLLOX

X’inhi t-tifsira jew is-sinifikat tas-saltna jew ir-Renju ta’ Ġesù għalina? Saltna jew Renju illum il-ġurnata tinstema xi ħaġa antikwata speċjalment f’soċjetajiet demokratiċi fejn kulħadd huwa liberu.

Tajjeb li niftakru li Alla għall-ewwel ma riedx li jagħti Sultan lil poplu ta’ Iżrael. Għaliex?
Għaliex Alla waħdu kien is-Sultan tagħhom u ma kellhom bżonn lil ħadd iżjed. Minkejja dan Alla mar għax xewqa tal-poplu ta’ Iżrael, kif insibu fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel kapitlu tmienja (1 Samwel 8), u tah sultan u aktar tard Alla wiegħed li mil-linja ta’ David ser iwaqqaf Sultan u Saltna li tibqa’ għal dejjem. Kif nisimgħu f’Salm 89: 29, “It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem, u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.”

Ġesù verament ġie u kien il-Messija. Ġesù kien dak il-Messija u vera Sultan li salva lill-poplu tiegħu u lid-dinja kollha mill-agħar ħakma possibli: dik tal-jasar tad-dnub, il-kundanna u l-mewt. Huwa ħelisna mis-saltna ta’ Satana: dik tal-qerq, l-oppressjoni u l-qerda. Ġesù ġie biex jirbaħ lill-qalb u lir-ruħ għal saltna li ħadd u xejn ma jista’ jeżżiżha, saltna li hija mmexxija mhux mill-forza jew mill-biża’ imma mill-qawwa tat-tjubija u tas-Sliem ta’ Alla u tal-ferħ fl-Ispirtu s-Santu.


Punti għar-riflessjoni

  • Tirrikonoxxi verament lil Ġesù Kristu bħala s-Sultan u s-Sid tiegħek?
  • Liema saltna tixtieq isservi – illum u dejjem fl-eternità? Is-saltna tad-dinja preżenti li tgħaddi jew dik ta’ Alla li ma tistax titkisser u li hija dejjiema?
  • Jekk naċċettaw lil Ġesù Kristu bħala s-sid u s-sultan tagħna aħna nkunu ċittadini ta’ saltna li ma tintemmx, li hija mmexxija mit-Tjubija, is-Sliem u l-Imħabba ta’ Alla. Ħajtek hija sottomessa għas-saltna ta’ Ġesù Kristu li jsaltan illum u għal dejjem fil-glorja tal-Missier fil-ġenna għal dejjem?

TALBA

Mulej Ġesù Kristu, inti s-Sultan tiegħi u m’hemmx ieħor ħliefek. Kun is-sid u l-mexxej ta’ qalbi, moħħi, ġismi u ruħi. Jalla dejjem infittex li nagħmel ir-rieda tiegħek u li naqdi u nservi lis-Saltna tiegħek fuq kollox u fuq kulħadd. Ammen.