Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 1: 18-24)
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Din is-silta li l-Knisja tagħżel għal nhar il-Ħadd, tirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù mill-perspettiva ta’ Ġużeppi u tispjega kif Ġesù ġie fid-dinja biex ikollu status legali bħala dixxendent ta’ David, avolja Ġużeppi ma kienx missier bijoloġiku tiegħu. Għalhekk Ġesù għandu żewġ naturi; divina u umana.
L-enfasi fuq Ġużeppi f’din is-silta, tlaqqagħna mad-diffikultajiet tiegħu meta ġie biex jiddeċiedi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Marija wara li jirċievi l-aħbar li hija kienet tqila. Naraw kif huwa b’attitudni kollha tjieba u ġustizzja, jikkoopera ma’ Alla u jafda f’dak li jgħidu l-anġlu fil-ħolma. Dan jgħina nifhmu x’jiġri meta wieħed jikkoopera ma’ Alla.
Ġużeppi jemmen. Jemmen fil-pjan ta’ Alla u jaħdem biex iwettaq dan il-pjan ta’ Alla. Għalhekk jitwieled il-Messija. Il-glorja tal-wegħdiet kollha ta’ Alla jsiru realtà, u biċċa minnha bis-saħħa tal-kooperazzjoni ta’ Ġużeppi. Ġużeppi jurina b’mod ċar ħafna l-ubbidjenza tal-fidi; il-fiduċja sempliċi tiegħu f’Alla turina li huwa kien miftuħ biex jilqa’ l-grazzja li Alla kien qiegħed isawwab fuqu. Aħna msejjħin għall-ubbidjenza tal-fidi – mhux ubbidjenza maħkuma mill-biża’ u mill-ansjetà – imma ubbidjenza ibbażata fuq l-imħabba u s-sempliċità.
Il-Papa Franġisku f’Patris Corde jindika kwalitajiet li jidhru fil-karattru ta’ San Ġużepp – bħal Missier maħbub, Missier fil-ħlewwa, Missier fl-ubbidjenza u Missier li jilqa’ – liema kwalitajiet se naddatta għalija, biex bħal San Ġużepp nikkoopera ma’ Alla?