“Ħarsa intima lejn Ġesù”

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
Mt 4:1-11

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.

Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

F’dan il-passaġġ tal-Vanġelu għandna ħarsa intima lejn Ġesù. Insiru nafu t-tentazzjonijiet tiegħu. Hu kien imġarrab bħalna … u dan it-tiġrib – li mhux dnub – kien grazzja. Interessanti li dan iseħħ immedjatament wara l-magħmudija minn Ġwanni li waqtha Ġesu kien sema’ lill-Missier igħid “Dan hu Ibni l-Għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”. Ġesù jittieħed id-deżert (midbar – il-post fejn wieħed jisma’ d-Dabar – il-Kelma) mill-Ispirtu biex jiġġarrab. Hemmhekk hu jitlob, isum u jitkellem ma’ u jisma’ lill-Missier. Dan ma jfissirx li jeħlisha mit-tiġrib: it-tentazzzjonijiet li ġarrab mix-xitan kienu dwar l-identità u l-missjoni tiegħu u akkumpanjawh f’diversi punti matul ħajtu. Ġesù kellu jiċħad modi sottiliment ħżiena ta’ kif għandu jaġixxi bħala Bin Alla u Messija.

It-tentazzjonijiet kienu sottili: min jista’ igħid li minn ġebel tagħmel ħobż tista’ tkun tentazzjoni? Bil-mod kif jaffrontahom – bl-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla moqrija b’fiduċja u mhux b’suppervja – jikxef il-fatt li l-għerq ta’ kull tentazzjoni hi l-adorazzjoni tax-xitan. It-tlett tentazzjonijiiet kellhom x’jaqsmu ma’ tamiet messjaniċi foloz: ix-xenqa għar-rilevanza u l-focus fuq bżonnijiet materjali; stil drammatiku u tal-għaġeb fil-ħidma; u triq imqassra lejn il-poter u d-dominju. Dawn huma kollha tentazzjonijiet li nafuhom u sewwa bosta drabi jippreżentaw lilhom infushom lilna, kemm personalment u kemm bħala Knisja, b’mod mill-aktar sottili. Huma t-triq il-komda tas-suċċess u tal-poter minflok il-ġuħ għal Alla u għal imħabbtu; it-triq ta’ tiftix għal sinjali ċari minflok dik tal-fidi li tgħaddi mid-dlam u li teħtieġ fiduċja u perseveranza; u r-relazzjoni ma’ poteri mondani li twassal għall-kompromess, għat-tixrid tal-attenzjoni u għat-tkattir ta’ dak li mhux essenzjali, minflok it-tiftix ta’ Alla waħdu.

It-triq li jindika, b’mod deċiżiv Ġesù, hi dik tas-salib li twassal għar-rebħa totali tal-imħabba ta’ Alla. Hu kien imġarrab bosta drabi u aħna wkoll. It-tiġrib konkret tagħna hu żmien ta’ grazzja; hu qed isejħilna lejn fedeltà li dejjem tiġġedded u tikber ma’ kull tentazzjoni mirbuħa. U meta’ naqgħu niftakru li Ġesù daħal fid-deżert propju għax kien jaf fejn ifittex lill-bniedem mitluf ħalli jwasslu lura, maħfur, lejn il-ġenna (ara Sant’ Ambroġ, Kummentarju dwar il-Vanġelu ta’ San Luqa, 4: 7-12).