Is-Seba’ Ħadd ta’ Matul is-Sena


EVANĠELJU
Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.
Mt 5:38-48

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

“SKANDLU FUQ L-GĦOLJA FL-INĦAWI TA’ KORAŻAJN.” Hekk nistħajjel li kienu jkunu l-headlines wara d-diskors ta’ Ġesù fuq il-muntajna, li nisimgħu fl-Evanġelju tal-lum, kieku kienu jeżistu l-gazzetti fi żmienu.

“Ħobb lill-għedewwa tiegħek.” “Itlob għal min jippersegwitak.”

Tista’ taħseb fi kliem li jqajjem aktar reżistenza minn hekk?

Madanakollu, Ġesù ma jiddejjaqx jistedinna biex noħorġu mil-loġika limitata tagħna biex inħaddnu dik ta’ Alla.

Wara kollox, li qed jagħmel Ġesù hu li qiegħed ipittrilna stampa aktar ċara ta’ min hu Alla Missierna: huwa dak li ma joqgħodx iqis magħna: nies tajbin jew ħżiena ma joqgħodx jagħżel magħna. Hu jħobbna lkoll indaqs b’imħabba kbira. Aħna nkunu nistgħu tassew nissejħu wliedu meta nkunu nixbhuh f’dan.

Il-kriterju hu l-imħabba tal-għedewwa.

Dan ma jfissirx li nagħlaq għajnejja għall-inġustizzji (le, lanqas għajn waħda). Lanqas ma jfisser li noqgħod għal kollox. Għax xi darba taqbżilna u imbagħad… ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Li nħobb l-għedewwa tiegħi jfisser li għandi nwieġeb mhux b’ritalljazzjoni imma b’imħabba disinteressata. Mhux li nirreaġixxi biex nagħddi messaġġ, imma nirrispondi b’imħabba akbar biex inkun persuna sħiħa, kompluta, dejjem f’relazzjoni mal-oħrajn.

B’hekk inkunu tassew nixbu lil Alla Missierna li huwa waħdu sħiħ u komplut, mhux għax awtosuffiċjenti, imma għax huwa dejjem f’relazzjoni ħajja.