Evanġelju
Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.
Lq 24:13-35
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa…’ hekk jibda ir-rakkont skond San Ġwann tad-dixxipli li qabdu it-triq tagħhom minn Ġerusalem lura għal Għemmaws. L-Evanġelista irid bħal donnu jurina l-urġenza ta’ Ġesu li jmur jiltaqa’ b’mod personali ma dawn iż-żewġ dixxipli li jidher li kienu tilfu it-tamà. Ġesu bħal donnu ma jridx jaħli ħin u dakinhar stess li qam mill-imwiet imur jiġri warajhom u jakkumpanjhom. Ġesu għandu din l-istess urġenza magħna – urġenza biex jimxi magħna, ikellimna, jirrivela lilu nnifsu lilna u jtina lilu innfsu.
Id-dixxipli ma għarfux lil Ġesu. Huma waqt li mexjin kienu konvinti li dak Ġesu li kienu imxew warajh u ħabbew kien mejjet u l-bogħod meta fil-fatt kien tant u tant viċin tagħhom – anzi ma setax ikun iktar viċin milli kien. Din ukoll ħafna drabi hija l-esperjenza tagħna, fejn inħossuna abbandunati minn Ġesu, inħossuna qalbna maqtugħa, u nitilfu it-tama tagħna, pero anki f’dan il-mumenti – bħala kien ma dawn iż-żewġ dixxipli – Ġesu jkun viċin tagħna aktar milli aħna qedgħin naraw u nħossu!