Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
Ġw 20:19-23
Dak il-Ħadd filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. It-tifħir lilek, Kristu.
L-atmosfera mingħajr Ġesu irxuxtat, fil-bidu ta’ dan ir-rakkont hija waħda ta’ biża. Din hi kundizzjoni kuntrarja għal dak li Ġesu ġie joffrilna. Fi Ġwanni 14 vers 27 diġa għandna indikazzjoni li dak li ser iħalli warajħ Ġesu mhux dwejjaq u inkwiet imma sliem. Dan is-sliem li jħalli warajħ Ġesu mhux skont kif tagħtiħ id-dinja imma paċi ta’ vera. Ġesu kapaċi joffri din il-paċi li tkopri kollox biss meta qam mill-mewt għaliex issa hemm l-assikurazzjoni li l-akbar biża tal-bniedem, jiġifieri l-mewt, ingħelbet.
Il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesu saru parti mill-identità tiegħu. Il-glorja ta’ Ġesu irxoxt ma tinnegax it-tbagħtija tiegħu… anzi l-marki tat-tbagħtija jsiru l-mezz tal-identifikazzjoni tiegħu.
Mill-paċi tal-qalb, li jnissel fil-qlub u l-ħajja tad-dixxipli, Ġesu jimxi sabiex jaqbad dik l-esperjenza personali u jgħin lid-dixxipli sabiex jużawha għall-appostolat. Il-mandat ta’ Ġesu lid-dixxipli sabiex jevanġelizzaw huwa għalhekk kontinwazzjoni ta’ dak li jagħmel hu. “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”
Nirrifletti ‘llum dwar kif Ġesu qed joffrili lis-Spirtu tiegħu biex inxandru lil oħrajn.