Fir‑raba’ sena ta’ formazzjoni bħala seminaristi nagħmlu esperjenza fi djoċesi f’pajjiż differenti, sabiex nesperjenzaw ir‑realtà tal‑istess Knisja waħda ta’ Kristu, f’ambjent differenti. Għalhekk, minn Lulju tas‑sena l‑oħra sa Mejju ta’ din is‑sena għamilt esperjenza fid‑djoċesi ta’ Darwin, l‑Awstralja. Din id‑djoċesi hi mmexxija mill‑Isqof Malti Charles Gauci, u tinkorpora fiha madwar 45,000 Kattoliku, 37 saċerdot fi 17‑il parroċċa differenti.
F’din id‑djoċesi hemm ir‑realtà ta’ komunitajiet ta’ persuni indiġeni li jammontaw għal madwar 11,000 Kattoliku.
Matul dawn ix‑xhur kelli l‑opportunità li nagħmel diversi esperjenzi pastorali, bħal f’żewġ sptarijiet, skola kattolika, il‑grupp taż‑żgħażagħ tal‑parroċċa tal‑Katidral u kif ukoll l‑RCIA. Biss, waħda mill‑aktar esperjenzi li ser nibqa’ ngħożż f’qalbi hija l‑ftit ġimgħat li għamilt f’Wurrumiyanga, fil‑Gżejjer Tiwi. Dawn il‑gżejjer jinsabu 80km ‘il bogħod minn Darwin, u huma gżejjer abitati minn persuni indiġeni.
Matul iż‑żmien tiegħi f’Wurrumiyanga, kelli l‑opportunità napprezza kultura differenti minn dak li mdorri biha Malta. Ħassejtni tassew milqugħ fost il‑komunità, hekk kif kont preżenti magħhom fil‑liturġija, fl‑iskejjel Kattoliċi u anke f’dar tal‑anzjani li hemm viċin. Minkejja d‑diffikultajiet materjali li jeżistu f’din il‑komunità, apprezzajt ħafna l‑fidi tagħhom f’Alla b’mod partikolari kif espressa fil‑liturġija. Illum il‑ġurnata, f’Wurrumiyanga, hemm żewġ saċerdoti missjunarji tal‑Kelma t’Alla, soru tal‑kongregazzjoni internazzjonali Daughters of Our Lady of the Sacred Heart, u anke komunità ta’ sorijiet Kanossjani.
Dawn kollha huma reliġjużi li ħallew pajjiżhom biex jaqdu lill‑poplu t’Alla f’dawn il‑Gżejjer. Kemm l‑esperjenza fid‑Djoċesi inġenerali u anke din l‑esperjenza sabiħa fil‑Gżejjer Tiwi, kienu ta’ eżempju ħaj xi jfisser dan il‑kmand ta’ Ġesù fi tmiem l‑Evanġelju skont San Mattew, “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill‑ġnus kollha, u għammduhom fl‑isem tal‑ Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jien magħkom dejjem, sal‑aħħar taż‑żmien.”(Mt 28, 19‑20)
“AGĦMLU DIXXIPLI MILL‑ĠNUS KOLLHA!”
