Bejn is‑17 u t‑23 ta’ Novembru bħala komunità tas‑Seminarju għamilna pellegrinaġġ ġewwa Franza. Dan il‑pellegrinaġġ beda fis‑sena 2000 u jsir kull seba’ snin. L‑ewwel li sar kien f’Ruma għas‑sena tal‑Ġublew, imbagħad fil‑Greċja fuq il‑passi ta’ San Pawl u seba’ snin ilu fl‑Art Imqaddsa.
Il‑preparamenti bdew fis‑sena seminaristika li għaddiet billi l‑komunità kollha għamlet proċess ta’ djalogu spiritwali sabiex naraw fejn il‑Mulej kien qed iwassal il‑qalb tagħna. B’mod unaninmu ntgħażlet Franza bħala l‑pajjiż li għandna nagħmlu dan il‑pellegrinaġġ fih. Dan sar minħabba r‑rabta kbira li dan il‑pajjiż għandu ma’ qaddisin li għexu jew ippromovew saċerdozju mmarkat minn qdusija eżemplari.
Pellegrinaġġ fil‑qalba tiegħu huwa rifless tal‑mixja tal‑bniedem hawn fuq l‑art. Kull wieħed minna pellegrini nterqu lejn il‑ġenna. U għalhekk il‑pellegrinaġġ huwa żmien sagru li fih wieħed jieqaf ftit biex jirrifletti dwar ħajtu u b’liema mod Alla qed jistiednu sabiex jikber fil‑ħajja tal‑qdusija.
Bdejna l‑pellegrinaġġ f’Ars fejn hemm irriflettejna fuq il‑figura ta’ San Ġwann Marie Vianney, il‑qaddis protettur tal‑kappillani. Minħabba li kien hemm magħna s‑saċerdoti novelli kellna l‑grazzja kbira li niċċelebraw il‑quddiesa bil‑kalċi ta’ dan il‑qaddis. Filgħaxija kellna laqgħa kordjali mar‑rettur tas‑Seminarju ta’ Ars u rapreżentanti tal‑komunità tas‑Seminarju ta’ dan il‑post.
It‑Tlieta kellna ġurnata b’diversi mumenti li kellna nivvjaġġaw u għalhekk il‑ġurnata bdiet kmieni filgħodu. Bdejna b’waqfa qasira f’Taizé. Dan huwa post li jżuruh bosta żgħażagħ mid‑dinja kollha. Dan huwa post immexxi minn monaċi li ġejjin minn tradizzjonijiet differenti ta’ Kristjaneżmu. Wara dan żorna Paray‑Le‑Monial u żorna l‑katidral fejn hemm id‑devozzjoni lejn il‑Qalb ta’ Ġesu li nbdiet mill‑qaddisa Margaret Marija Alacoque li bejn is‑snin 1673 u l‑1675 dehritilha l‑Qalb ta’ Ġesù. Din iż‑żjara kellha profondità doppja fid‑dawl tal‑promulgazzjoni tal‑Enċiklika tal‑Papa Franġisku Dilexit Nos ftit ġimgħat ilu.
Bejn it‑Tlieta filgħaxija u l‑Ġimgħa filgħodu konna qegħdin Pariġi. Matul dawn il‑ġranet konna qed noqogħdu fil‑Bażilika tas‑Sacre Coeur, spazju ta’ talb imfittex ħafna minn persuni mid‑dinja kollha. F’Pariġi rriflettejna ħafna fuq il‑martri u kif għadhom għalina xhieda ta’ ħajja ta’ qdusija eżemplari. F’Parigi kellna l‑opportunità li nirriflettu fuq il‑ħajja ta’ San Vinċenz de Paul meta żorna u tlabna fuq il‑qabar tiegħu. Waqfa speċjali oħra kienet fil‑Kattidral ta’ Notre Dame fejn kellna gwida li dawritna mad‑dawra tal‑kattidral u rajna l‑aħħar preparamenti għall‑ftuħ mill‑ġdid ta’ dan il‑post fit‑8 ta’ Diċembru.
Il‑Ġimgħa qattajna l‑ġurnata f’Lisieux, ir‑raħal fejn Tereża tal‑Bambin Ġesù għexet fil‑monasteru. Din il‑qaddisa tant żgħira u sempliċi wriet lill‑Knisja li fiċ‑ċokon tidher tassew il‑qawwa ta’ Alla. Tereża matul ħajjitha dejjem xtaqet li jkollha ħuha saċerdot, iżda l‑unika żewġ subien li kellha l‑familja mietu ta’ età żgħira. Għalhekk Tereża għażlet li tiddikjara lilha nfisha bħala oħt kull saċerdot u addottathom fit‑talb tagħha.
Is‑Sibt irritornajna Pariġi fejn qattajna nofs ta’ nhar mal‑Aħwa Monastiċi ta’ Ġerusalemm, komunita’ ta’ monaċi rġiel u nisa li l‑kariżma tagħhom hi li jkunu oażi spiritwali f’nofs belt urbana. Fil‑knisja gotika ta’ San Ġervais fejn huma bbażati, ipparteċipajna f’quddiesa iċċelebrata mill‑isqof awziljarju ta’ Pariġi, Mons Emmanuel Tois. Ġejna mistiednin ukoll għal ikla fraterna magħhom u wara flimkien qsamna bejnietna kif naraw lil Alla jaħdem f’ħajjitna.