SMIGĦ, PAĊENZJA, IMMAĠINAZZJONI UFERĦ: L‑ESPERJENZA TAL‑QSIM TAL‑KELMA

Għadu kemm intemm is‑Sinodu li sar f’Ruma. Hemmhekk, id‑domanda ċentrali kienet: kif nistgħu nwasslu lill‑Mulej Irxoxt u l‑Evanġelju tiegħu f’dinja li fiha bosta dlamijiet u dellijiet? F’dan id‑dawl, id‑domanda dwar kif il‑Knisja tista’ tkun aktar sinodali u aktar missjunarja għandha x’taqsam mal‑bżonn kbir li nikkomunikaw l‑Aħbar it‑Tajba lil dawk li b’xi mod qegħdin fi tfittxija, ukoll jekk din tkun diżorjentata.


Din is‑sejħa biex inwasslu l‑Kelma, filwaqt li nimxu ma’ dawn il‑persuni, titlob għażliet konkreti:
titlob sabar kbir, immaġinazzjoni kreattiva, smigħ mill‑qalb, perseveranza fil‑formazzjoni, ħidma flimkien. Titlob li nieħdu d‑domandi kemm espliċiti u kemm impliċiti bis‑serjetà. Wara kollox, Ġesù jieħu d‑domandi bis‑serjetà: “Kif sirt tafni?”; “Kif qatt jista’ jkun dan?”; “Tgħid dan il‑Messija?”;
“X’inhuma dawn għal daqstant nies?”; “Min hu dan?”; “Min hu, Mulej biex nemmen fih?” huma xi wħud mid‑domandi li jistaqsu n‑nies fl‑Evanġelju. U Ġesù bosta drabi jidħol fi djalogu permezz ta’ domandi: “Xi tridni nagħmillek”; “Xi tridu?”; “Lil min qiegħda tfittex?”; “Tħobbni?”; “Intom min tgħidu li jien?” u tant domandi oħrajn li jistaqsi Ġesù.


F’dan id‑dawl, nagħrfu li min jistaqsi domandi profondi mhux qed ifittex informazzjoni biss imma qed ifittex il‑ħajja. Irid jgħix. Qed ifittex li jifhem lingwa ġdida li tagħmilha possibbli li jgħix b’mod imġedded.


Dan ifisser li kull wieħed qed ifittex il‑ħajja, u li flimkien nistgħu naqsmu d‑domandi profondi li hemm fi qlubna u li qed jistednuna għal ħajja mġedda. U flimkien nagħrfu kif il‑Kelma ta’ Alla qed tmiss il‑qalb ta’ kull wieħed minna b’mod differenti mhux biss b’risposti imma aktarx bi stediniet ħelwa u persistenti. Għandna bżonn lil xulxin biex nidħlu aktar fil‑fond fid‑dinamiżmu tal‑Evanġelju. Għandna bżonn lil xulxin biex nagħrfu l‑preżenza ħajja tal‑Mulej Irxoxt preżenti u attiv fl‑istorja personali u komunitarja tagħna u li jistedinna għall‑ħajja.


Din tkun l‑esperjenza tagħna fis‑Seminarju meta niltaqgħu għal spiritual conversation. F’dawn il‑waqtiet nitolbu, nisimgħu lil xulxin, u naqsmu l‑Kelma ta’ Alla biex ngħinu lil xulxin nidħlu fil‑fond fl‑għajxien tal‑Kelma, ninkuraġġixxu lil xulxin, u nieħdu deċiżjonijiet importanti filwaqt li ngħinu lil xulxin inkunu miftuħa għall‑ispirazzjonijiet ta’ Alla. B’hekk nikbru fl‑imħabba. B’hekk ma nidħlux fl‑illużjoni li nistgħu naħdmu waħedna. B’hekk nagħrfu li l‑Mulej kien qiegħed magħna minn qabel ma għarafna li dan hu minnu. B’hekk ngħinu lil xulxin noħorġu dejjem iżjed mill‑kamra tal‑biża’ u tal‑qtigħ ta’ qalb biex ngħixu fid‑dar tal‑imħabba. B’hekk, filwaqt li nibqgħu qrib tad‑domandi fi qlubna u fi qlub oħrajn, insostnu lil xulxin biex qalbna tibqa’ mkebbsa mill‑Kelma ta’ Ġesù hekk li nkunu ħajjin f’Alla.