IL‑LIBRERIJA FIS‑SEMINARJU TAL‑ARĊISQOF

Kien fl‑1756 meta l‑Isqof ta’ Malta Alpheran de Bussan (1728‑1757) iddepożita 500 skud fil‑massa frumentaria (fond intenzjonat biex minnu jitqassmu għajnuniet lil min kien fil‑bżonn) biex l‑interessi jintużaw ħalli tinżamm librerija fis‑Seminarju.

Minn hawn ’il quddiem, il‑librerija kompliet tikber, partikolarment b’donazzjonijiet ta’ kotba li tħallew b’wirt, speċjalment minn qassisin.

Anke jekk fil‑bidu din il‑librerija kienet relattivament żgħira, illum għadha qed tkun aġġornata u tħaddan fiha aktar minn 50,000 ktieb fosthom kollezzjoni rikka ta’ perjodiċi.

Fl‑1978, is‑Seminarju mexa minn Casa di Manresa l‑Furjana (illum il‑Kurja tal‑Arċisqof) għall‑bini fejn qiegħed illum. Fl‑istess waqt, il‑Fakultà tat‑Teoloġija mxiet mill‑Università għas‑Seminarju f’Tal‑Virtù. Kien hawn li ż‑żewġ libreriji rispettivi – di tas‑Seminarju u tal‑Fakultà – ingħaqdu flimkien.

F’Settembru tal‑1988, il‑Fakultà rritornat lura lejn l‑Università, u għal dan il‑għan ġiet imwaqqfa l‑Fondazzjoni għall‑Istudji Teoloġiċi biex il‑ħidma akkademika tal‑librerija tibqa’ għaddejja.

Minn żmien għal żmien isiru diversi attivitajiet fil‑librerija miftuħin għall‑pubbliku. Inħeġġuk biex issir membru biex tkun tista’ tissellef il‑kotba, jew sempliċiment biex tiġi u tqatta’ ftit ħin taħdem għall‑kwiet.

Għal aktar informazzjoni żur is‑sit tagħna https://www.facebook.com/theolibrary.rabat/