Meta kont tfajjel, kont nattendi l‑quddiesa ta’ Ħamis ix‑Xirka u kont nara purċissjoni ta’ qassisin ta’ kull sura u età. Imbagħad kont nisma’ fl‑Evanġelju lil Ġesù “jħabbar il‑ħelsien lill‑imjassrin” u “jxandar is‑sena tal‑grazzja tal‑Mulej”. Kont nissaħħar nisma’ dan il‑kliem, li żgur sawwar fija sejħa għas‑saċerdozju.
Il‑kliem ta’ Ġesù rajtu jseħħ fil‑ħajja ta’ bosta qassisin – kemm meta kont inqerr jew nieħu sehem fil‑quddiesa u nesperjenza l‑grazzja u l‑ħelsien, u kemm meta, bħala qassis, rajt quddiemi kemm hi sabiħa l‑assoluzzjoni li tħoll il‑persuna mill‑ħtijiet, u kemm hi qawwija l‑Kelma ta’ Alla li ddawwal u teħles u tibdel il‑qlub.
Kont nisma’ wkoll li Ġesù “ħabbar il‑Bxara t‑Tajba lill‑fqajrin” u dan rajtu bosta drabi meta lmaħt il‑qassis viċin l‑imwarrbin – kemm jekk materjalment u kemm jekk spiritwalment foqra, kemm jekk drogati, kemm jekk illitterati, kemm jekk waħedhom, u kemm jekk barranin.
Il‑qassis hu ġublew miexi, miexi ma’ oħrajn. Flimkien magħhom, jibni l‑komunità biex inkunu qalb waħda u ruħ waħda. Tgħallimt mill‑esperjenza li, biex ikun ġublew, għajnejn il‑qassis iridu jkunu msammrin fuq Ġesù u jrid jaħdem b’mod li għajnejn kulħadd ikunu msammrin fuqu. Il‑Mulej Ġesù hu t‑tama tagħna li ma tqarraqx.
Hu l‑Ġublew tagħna li jeħlisna!