IS‑SENA PROPEDEWTIKA:SINJAL TA’ TAMA

It‑tama tieħu diversi forom: żerriegħa; tafal; fosdqa. Kollha jesprimu tama
ta’ ħajja ġdida. Ma’ dawn nistgħu nżidu għamla oħra ta’ tama: dawk l‑ewwel
ftit xhur li dawk li jkunu qed jgħarblu l‑vokazzjoni tagħhom jagħmlu qabel
ma jibdew uffiċċjalment bħala seminaristi.
Dawn ix‑xhur insejħulhom b’isem ftit ikkumplikat: is‑Sena Propedewtika, li
tfisser “ta’ qabel it‑tagħlim”. Huwa fil‑fatt l‑ewwel pass konkret fl‑avventura
tal‑formazzjoni.
Din is‑sena tibda f’Jannar, meta r‑Rettur jilqa’ uffiċċjalment lil dawk li jkunu
wrew ix‑xewqa li jwieġbu għas‑sejħa li qed jagħmlilhom il‑Mulej, wara li
jkunu rriflettew fit‑tul, akkumpanjati mid‑Direttur Spiritwali tagħhom u
mid‑Direttur tal‑Vokazzjonijiet.
Matul dan iż‑żmien, il‑propedewtiċi jkomplu bil‑ħidma fuq il‑post tax‑xogħol
tagħhom regolari, waqt li jqattgħu tlett ijiem matul il‑ġimgħa fil‑komunità
tas‑Seminarju. Matul dan il‑perjodu jkollhom, fost oħrajn, introduzzjoni
għall‑għodda tat‑talb u d‑dixxerniment, introduzzjoni għall‑viżjoni
tas‑saċerdot fid‑dawl tal‑Konċilju Vatikan II, introduzzjoni għal‑Latin, kif
ukoll programm intensiv ta’ formazzjoni umana flimkien ma’ studenti
reliġjużi oħra.
F’Jannar li għadda żewġ żgħażagħ bdew is‑Sena Propedewtika. L‑impenn
ferrieħi tagħhom hu sinjal jiddi ta’ tama għall‑Knisja tal‑lum… u ta’ għada!