ISSA LEST?

Wara seba’ snin ta’ formazzjoni hemm min jgħidlek li issa lest mill‑formazzjoni! Imma meta tirrifletti ftit, wieħed jinduna li kull wieħed mill‑pilastri tal‑formazzjoni huwa neċessarju mhux biss għal seba’ snin imbagħad daqshekk, imma huwa bżonjuż tul il‑ħajja kollha tal‑qassis.

Il‑kura umana tagħna bħala saċerdoti hija pilastru li fuqu jserrħu bosta aspetti oħra. Flimkien mal‑formazzjoni umana hemm il‑formazzjoni spiritwali. Kemm hi neċessarja matul is‑saċerdozju tiegħi li ta’ kuljum nibqa’ nikber fi spirtu ta’ talb! Il‑kura spiritwali, fiżika u psikoloġika huma neċessarji għal saċerdozzju li jkun bilanċjat għal servizz pastorali li jkun jista’ jsir bil‑ferħ. Ma’ dawn insemmi l‑pilastru tal‑formazzjoni akkademika.

Wieħed jilmaħ kemm hu neċessarju li bħala saċerdoti b’mod konsistenti nibqgħu naġġornaw ruħna mal‑iżviluppi tat‑teoloġija sabiex bħala rgħajja nkunu tassew nistgħu nwasslu tagħlim li hu konsistenti mal‑ħsieb tal‑Knisja universali.

Bl‑għajnuna t’Alla nhar is‑17 ta’ Mejju 2025 jien flimkien ma’ Johan Bugeja, Sależjan u Shawn Wong minn Singapore ġejna ordnati saċerdoti minn Mons. Arċisqof. Fil‑bidu ta’ dan is‑saċerdozju tagħna jien konvint li issa m’iniex lest imma għadni propju fil‑bidu! Inrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li rċivejt matul dawn is‑snin ta’ formazzjoni għaliex konvint li dan kollu ser ikun bħal għodda tajba li tgħinni inkompli niġi ffurmat.