Hekk jibda l‑innu tal‑iskola: skola kbira fl‑ispirtu u fil‑qalb! Nhar l‑25 ta’ Marzu 1703 daħlu l‑ewwel sitt studenti fis‑Seminarju Minuri ‑ dak iż‑żmien ġewwa l‑Imdina.
L‑għan tiegħu kien illi jipprepara lill‑adolexxenti, speċjalment dawk imsejħin għall‑ħajja saċerdotali, sabiex jidħlu s‑Seminarju Maġġuri. Wieħed jinnota kemm dan kien bidu umli imma fl‑istess ħin sod fejn tidħol il‑viżjoni u l‑missjoni tal‑iskola tagħna.
Fil‑qalba ta’ din l‑istituzzjoni dejjem kien hemm il‑kura sħiħa tal‑persuna ‑ mhux biss l‑aspett akkademiku, imma wkoll l‑aspetti spiritwali u umana. Aħna u nħarsu lejn il‑bidu tiegħu nindunaw x’passi kbar saru f’dawn l‑aħħar 322 sena, mhux biss fil‑mod kif jopera s‑Seminarju Minuri imma wkoll fis‑soċjetà inġenerali.
Illum is‑Seminarju Minuri jilqa’ fih 1,000 persuna ta’ kuljum, bejn staff u studenti.
Filwaqt li l‑impenn tagħna jibqa’ l‑edukazzjoni ħolistika tal‑istudenti tagħna, ma nkunux realistiċi jekk ngħidu li qed nippreparaw l‑istudenti kollha biex jidħlu fis‑Seminarju Maġġuri. Madanakollu xorta waħda nagħmlu ħilitna kollha sabiex inkabbru fl‑istudenti l‑għarfien t’Alla, u anke tas‑sejħa personali li Hu għandu għalihom.
Inħeġġiġkom sabiex titolbu għalija u għal sħabi sabiex dejjem immexxu l‑iskola skont dak li jrid Alla minna, u kif ukoll għall‑istudenti tagħna u l‑familji tagħhom li jaffaċċjaw tant sfidi u opportunitajiet ta’ kuljum.