L‑esperjenza tal‑Appostli msakkrin fil‑kamra ta’ fuq wara l‑kruċifissjoni ta’ Ġesù dehret riflessa b’mod profond fl‑atmosfera tal‑konklavi ta’ Mejju li għadda. Iż‑żewġ mumenti huma kkaratterizzati minn bibien magħluqa, mis‑skiet, u l‑bżonn ta’ gwida divina f’nofs id‑dgħufija umana.
Wara l‑mewt ta’ Ġesù, id‑dixxipli ssakkru f’kamra mimlijin biża’ u inċertezza; iżda kien proprju f’dak l‑ispazju li l‑Mulej irxuxtat deher fosthom u qalilhom: “il‑paċi magħkom”, liema frażi ttrasformat id ‑disprament f’tama, u l‑biża’ f’missjoni.
Fl‑istess spirtu, il‑konklavi wkoll jiġbor lis‑suċċessuri tal‑appostli bejn il‑ħitan magħluqa tal‑Kappella Sistina. Madanakollu, il‑kardinali, f’attitudni ta’ umiltà u talb, jistabru bil‑kelma ta’ Ġesù li “jien dejjem magħkom sal‑aħħar taż‑żmien.”
Bl‑istess awgurju ta’ Kristu Rxuxtat, il‑Papa Ljun XIV sellem lid‑dinja bit‑tħabbira tal‑paċi u fuq kollox li Alla huwa dejjem rebbieħ.
F’din l‑esperjenza, wieħed jista’ jixhed il‑mod kif Alla jibdel l‑għeluq f’laqgħa, u li mis‑skiet u l‑ġabra titwieled missjoni li ġġedded il‑fidi u ssaħħaħ lill‑Knisja magħmula minna l‑midinbin salvati bil‑grazzja tiegħu.

