Matul ix‑xhur tas‑sajf, is‑seminaristi jkunu qed jagħmlu esperjenza differenti f’xi realtà fejn il‑Knisja twettaq il‑ħidmiet tagħha. Dan is‑sajf kelli l‑opportunità li nkun preżenti mal‑qassisin li qed joffru l‑ħidma pastorali tagħhom ġewwa l‑Isptar Mater Dei. Din kienet esperjenza unika li laqqgħatni direttament mal‑umanità fi‑lvulnerabbiltà tagħha. L‑isptar hu l‑post fejn tgħix ma’ oħrajn esperjenzi li jġibu ferħ, ngħidu aħna twelid ta’ tarbija jew fejqan minn xi marda, imma hu wkoll relatat ma’ esperjenzi ta’ tbatija kbira.
F’din l‑esperjenza tal‑vulnerabbiltà tagħna hemm is‑Sagrament tal‑Griżma tal‑ Morda. Bih tingħata “grazzja speċjali lin‑Nisrani li jkun għaddej mid‑diffikultajiet proprji ta’ marda gravi jew ta’ xjuħija dgħajfa.” (KKK, 1520) Fih diversi effetti, fosthom li min jirċevih jinħafrulu dnubietu u li jekk tkun ir‑rieda t’Alla, il‑persuna tirċievi wkoll is‑saħħa fiżika mill‑ġdid.
Minkejja li dan is‑sagrament ma joffrix il‑garanzija ta’ fejqan fiżiku, fih hemm il‑preżenza ta’ Kristu fil‑persuna tal‑qassis li joffri sabar u paċi kemm lill‑marid kif ukoll lill‑qraba tiegħu. F’dan is‑sagrament rajt il‑qrubija tal‑qassis f’mumenti ta’ vulnerabbiltà u x‑xewqa tal‑marid għas‑salvazzjoni li ġabilna Ġesù.
Jien kont nikkontribwixxi billi nkun viċin tal‑persuna fit‑tbatija tagħha, nismagħha, u nitlob għaliha. Kont naf li meta l‑ħajja fuq din l‑art kienet qed tasal biex tintemm, it‑tama kienet tibqa’ b’saħħitha, dik tas‑salvazzjoni għall‑ħajja ta’ dejjem.

