L‑EWKARISTIJA FIL‑ĦAJJATAS‑SEMINARISTA

Ftit ilu rċevejt il‑Ministeru tal‑Akkolitat, pass importanti fil‑vjaġġ vokazzjonali lejn  is‑saċerdozju. Dan il‑ministeru hu relatat b’mod speċjali mal‑Ewkaristija – il-quċċata u l‑għajn tal‑ħajja tal‑Knisja – li biha l‑poplu ta’ Alla jinbena u jikber. L‑Akkolitu msejjaħ biex jaqdi qrib l‑artal, jgħin lis‑saċerdoti u lid‑djakni fil‑qadi tal‑ministeru tagħhom, u jqarben lill‑fidili bil‑Ġisem ta’ Kristu.

Permezz ta’ dan il‑ministeru, tiġi enfasizzata l‑imħabba lejn il‑Ġisem Mistiku ta’  Kristu, li hu l‑poplu ta’ Alla. Dan kollu għandu jiġi attwat permezz tax‑xhieda ħajja  ta’ mħabba, biex b’hekk jiġi mħares sewwa l‑kmandament li l‑Mulej ta lid‑dixxipli tiegħu: “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien.” Lejn l‑aħħar tar‑rit, meta l‑Arċisqof ippreżentali l‑ħobż li wara kien se jiġi kkonsagrat, qal, “Ħu l‑ħobż għaċ-ċelebrazzjoni tal‑Ewkaristija Mqaddsa, u għix b’mod li jkun jixraqlek taqdi fil‑mejda tal‑Mulej u fil‑Knisja.”

Dan il‑ministeru mhuwiex biss dwar funzjonijiet liturġiċi li l‑Akkolitu jista’ jagħmel, imma jħaddan vokazzjoni ta’ servizz u qima interjuri. Kif jgħid il‑Papa San Pawlu VI, l‑Akkolitu għandu jitgħallem kollox dwar il‑qima divina pubblika u jifhem ittifsira spiritwali ta’ dak li jwettaq; biex kuljum joffri lilu nnifsu għalkollox lil Alla, u jkun ta’ eżempju għal kulħadd bl‑imħabba lejn il‑poplu ta’ Alla, b’mod speċjali lil dawk li huma dgħajfa u morda.