Alla ma wegħidniex li se nsibu djamant f’kull ponn trab li naqbdu b’idejna. Pjuttost jgħinna niskopru l-għan moħbi f’dak li jidher biss trab. Imqar il-ħamrija: ma tibqax sempliċiment trab meta tara kemm hi essenzjali għal tant ħxejjex, fjuri u frott. Aħseb u ara aħna li, kif jgħid San Pawl, “aħna teżori f’ġarar tal-fuħħar” (Ara 2 Korintin 4, 7).
Din hija t-tema li nixtiequ li tiggwida l-ħarsa tagħna matul din is-sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju. Dan għaliex normalment il-ħarsa tagħna tmur fuq il-fraġilità tagħna, fuq kemm il-ġarra tixxaqqaq malajr. Naraw il-limiti fil-karattru tagħna; ninkwetaw quddiem l-eżiġenzi li jħabbat wiċċu magħhom il-qassis illum; ninfixlu meta naraw minn kemm bidliet għaddejja minnhom il-Knisja u l-kultura.
Laqtitni sentenza li kiteb il-Papa Ljun fl-enċiklika Magnifica humanitas: “Dak kollu li jidher bħala limitu … tendenzjalment jiġi interpretat qabelxejn bħala difett li jrid jiġi kkoreġut, iżjed milli bħala post fejn l-uman jimmatura u jinfetaħ għar-relazzjonijiet” (MH118).
It-tema li ħadna din is-sena qed tistedinna biex inħarsu lejn il-limiti tagħna mhux bħala difett imma bħala l-post fejn nimmaturaw u ninvestu fir-relazzjonijiet. Hija stedina biex ma nibżgħux mill-fraġilità tagħna u nfittxu li nikbru fi Kristu, li ninvestu fil-kollaborazzjoni mal-oħrajn, u li nagħrfu fejn Alla qed jaħdem f’soċjetà li tinħass indifferenti.
