Lejla ferm mistennija għall-komunità tas-Seminarju hija l-hekk imsejħa, ‘is-Serata tal-Milied’ li ssir kull sena fit-13 ta’ Diċembru.  Din il-lejla sarrfet it-tħejjijiet u l-impenji kollha illi l-komunità tant investiet mhux biex żammithom misturi għaliha iżda biex fl-istess waqt, aħna s-seminaristi f’ħidmietna, kbirna fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.   L-istess esperjenza komunitarja qsamnieha ma’ dawk qrabatna li jafu l-għeruq tagħna kif ukoll mal-persuni kollha preżenti fis-sala u saħansitra fil-ħajja tagħna permezz tat-talb tagħhom lejn dan il-post u min jgħix fih.

L-Innu Nazzjonali kien is-sinjal li l-waqt tal-bidu kien wasal.  Kulħadd leħen wieħed bl-istess kliem fuq fommu, kantajna mal-kor tas-seminaristi l-innu-talba lil Alla.  Il-programm issokta b’għadd ta’ innijiet tal-Milied, bil-purċissjoni qsajra tal-Bambin u riflessjoni dwar il-Familja qaddisa ta’ Nazaret flimkien ma’ ħarsa dwar il-familja tal-lum speċjalment dik Maltija.  Wara dan miss imbagħad illi r-Rettur, Dun Jimmy Bonnici jgħaddi kelmtejn tal-okkażjoni lill-mistiedna dwar l-andament tal-ħajja fis-Seminarju kif ukoll kelma ta’ ġid għal żminijietna.  Ta’ min jgħid ukoll illi f’din is-serata, tnieda dan is-sit elettroniku l-ġdid tas-Seminarju fejn tfisser l-użu u l-għan tiegħu.  Min-naħa l-oħra, ma nistgħux inħallu barra u ma nfakkrux mument importanti ieħor li jinżel għasel u jdoqq ħlejju għal ħafna, mument, illi ngħiduha kif inhi, iħarrikna minn postna biex nidħku xi ftit jew wisq!  Din is-sena, bil-ħidma u l-koperazzjoni tagħna s-seminaristi, ittellgħet ir-reċta bl-isem ta’, ‘Il-Kalċi ta’ San Pawl’, b’karattri umoristiċi.  Irridu ngħidu illi din ir-reċta tkun mument fejn fih u bih inqiegħdu tbissima fuq wiċċ ħaddieħor flimkien ma’ ferħ fil-qlub.

Minkejja dan kollu, wieħed ma jistax jaħrab il-fatt illi lejla bħal din isservi ta’ mezz kif il-qraba tagħna, il-benefatturi u l-ħbieb tas-seminarju, jiltaqgħu bejniethom u aħna magħhom.  B’dan il-mod inkunu qegħdin naqsmu flimkien il-ġid u l-ferħ f’dawn iż-żminijiet miġjuba minħabba fil-Kelma li tlaħħmet, jiġifieri Ġesù li ġie fid-dinja u sar tassew bniedem.

Il-komunità tas-Seminarju, xtaqet u tixtieq kuljum it-twelid ħaj ta’ dan Ġesù li hu l-Messija fil-qalb u l-ħajja ta’ kulħadd.

Comments