Eċċellenza Mons Charles Scicluna merħba bħala Arċisqof għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħidma edukattiva li s-Seminarju qed iwettaq. Grazzi li qed maghna, mal-mistednin distinti , mal-ġenituri li qed jafdawna f’qasam tant importanti fil-ħajja ta’ uliedhom, mal-istudenti u mal-għalliema tal-komunità tagħna. Merħba lilkom ilkoll.

Filwaqt li niċċelebraw tant ħidma u ġid, huwa tajjeb li f’din l-okkażjoni napprezzaw il-valur ta’ dak li qed nagħmlu u kif nistgħu insaħħuħ. Id-dinja li qed ngħixu fiha mhix għaddejja minn żmien faċli. Hemm sfidi kbar, kumplessi, li jinkludu traġedji umanitarji li forsi nħossuna żgħar wisq biex nagħmlu xi ħaġa dwarhom. F’nofs dan il-baħar faċli nkunu ittentati biex naqtgħu qalbna, nagħalqu qalbna, jew inwebbsu qalbna. Huwa fatt li l-iskola ma ssolvix il-problemi kollha tad-dinja u lanqas għandna npoġġu dan il-piż fuqha. Iżda lanqas ma jfisser li ma hemm xejn x’tagħmel. X’inhi l-missjoni tagħna fid-dinja li qed ngħixu fiha?

Laqatitni t-Triloġija tal-Ħbiberija tal-kittieb Ċilen Luis Sepulveda indirizzat ghat-tfal biex idawwal problemi tal-kbar. Wieħed mill-kotba semmieħ “Storja ta’ gawwija u tal-qattuls li għallimha ittir“. F dan ir-rakkont, il-gawwija bajda li tinżel fil-baħar biex tiekol ikollha tissielet bil-kbir biex tasal sal-art minħabba ż-żejt imniġġeż li ħakimha. Qabel tmut jirnexxielha tbid bajda u titlob lill-qattus iswed li laqagħha biex iwieghed tlett ħwejjeġ: li ma jiekolx il-bajda, li jibżà għaliha sakemm tfaqqas iż-żgħira u li jgħallimha ittir. Il-bqija tar-rakkont huwa l-avventura biex jonora l-kelma li ta: jiddefendi l-bajda mill-predaturi, jitgħallem kif jitma’ lil min għandu dieta differenti, u jagħti ħiliet biex l-gawwija issir dak li hi u mhux issir kopja tiegħu bħala qattus.

Ritratt Ktieb

L-arti tar-rakkont toffri xefaq ta’ tama. Juri stil ieħor ta’ ħajja differenti minn dak mibni fuq il-biża’ minn min differenti minni.  Stil mibni fuq il-kura u għożża ta’ dak li hu maħluq; ma jfittixx li kulħadd jaħsibha eżatt bħalu u jkun kopja tiegħu;  mhux stil ta’ indifferenza quddiem problemi li jidhru ‘l fuq mill-kapaċitajiet tagħha iżda opportunità biex jikber.

Il-missjoni tal-iskola mhijex li issolvi kollox iżda li toffri rakkonti ta’ dan it tip. Mhux biss wieħed isib il-lingwaġġ biex jikkomunika iżda wkoll jiżviluppa ħolm differenti u kostruttiv. Mhux biss jgħinna nemmnu li dinja oħra hi possibbli izda jibda jagħmilha realtà.

Għalija personali ir-rakkont tas-CEO tal-isptar Mater Dei li stieden lin-nies biex joffru fjuri għal 24 minn ħutna li mietu fil-bahar tagħna lkoll tana l-opporunità mhux biss biex niftakru iżda wkoll biex ngħixu  bħala bnedmin ma’ ħutna bnedmin.

Ir-rakkont ta’ skola fi Spanja fejn l-istudenti  irregalaw uħud mill-kotba preferuti tagħhom lil persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabż: mhux biss għenu lill-ħabsin jiskopru t-tagħlim u dinjiet oħra, iżda l-inizjattiva għenet lit-tfal biex jagħarfu fil-ħabsin persuni bil-possibilità  tà  futur aktar milli b’kundanna tal-passat.

Bħala skola kif nistgħu noffru dawn it-tip ta’ rakkonti għal dinja li għandha bżonn ħolm ieħor? X’inizjattivi nistgħu nieħdu biex nagħtu esperjenzi żgħar, sbieħ, li jagħtuhom opportunità li jgħixu dawn it-tip ta’ stejjer? Il-ġenituri li kuntenti li t-tfal qed jiġu fl-iskola tagħna x’jistgħu jagħmlu biex fil-familja tikber il-ġenerożità lejn persuni li m’għandhomx l-istess opportunitajiet?

Fi żmienna qed nassistu għall-krudeltà li bniedem jista’ jasal biex iwettaq fuq bniedem ieħor. Fi żmienna nistgħu ukoll inkabbru mexxejja li juru l-wiċċ veru u sabiħ tal-bniedem. L-iskola u l-familja tagħna se tgħin f’dan?

Grazzi mill-qalb lil kull min qed jagħti sehem biex l-iskola tagħna twieġeb għal din ir-responsabbiltà.

 

Comments