Ġesù seta’ nqeda b’ikel u xorb ieħor minflok il-ħobż u l-inbid biex permezz tagħhom iħallielna Ġismu u Demmu. Nimmaġina li meta ġie biex jieħu deċiżjoni kkonfonda xi ftit x’jaqbad jagħżel. Imma jien naħseb li għażel il-ħobż u l-inbid għaliex biex tiekol il-ħobż u tixrob l-inbid jeħtieġ li taqsamhom ma ħaddieħor. Ħadd ma jiekol ħobża tal-Malti sħiħa f’daqqa u ħadd ma jixrob flixkun inbid f’daqqa jekk ma jkunx irid jispiċċa ħażin. Il-ħobż u l-inbid trid taqsamhom ma’ ħaddieħor biex tgawdihom kif imiss.
F’din is-Sena tal-Ħniena, bħala komunità tas-Seminarju, qed nagħżlu li naqsmu l-Adorazzjoni tal-ewwel Ħamis tax-xahar mhux biss mal-benefatturi, familjari u persuni oħra li jingħaqdu magħna, imma wkoll ma’ persuni li fis-soċjetà tagħna jeħtieġu l-ħniena. Sa issa, ingħaqdu magħna familja refuġjata mill-Kummissjoni Emigranti, il-‘Hospice Movement’ u familja b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Ma setax jonqos li minbarra l-quddiesa, ma naqsmux flimkien ikla bejnietna. L-għan wara attivitajiet simili għal dawn hu li aħna bħala futuri saċerdoti nikbru fis-sensibilità tagħna għal persuni vulnerabbli. Tkellimna ħafna flimkien u tgħallimna mhux ftit.
Lilek li qed taqra dan l-artiklu nistednuk taqsam magħna fil-Ħobż u l-Inbid waqt l-Adorazzjoni ta’ kull l-ewwel Ħamis tax-xahar. L-Adorazzjoni, bl-intenzjoni partikolari għall-vokazzjonijiet, tibda fis-6.30pm u wara jkun hemm quddiesa fis-7.15pm. Tul din is-sena qed nilqgħu wkoll persuni u gruppi oħra li jgħinuna nidħlu aktar fl-ispirtu tas-Sena tal-Ħniena. Jalla l-Ħobż Ewkaristiku naqsmuh fil-ħidma mimlija ħniena li aħna nagħmlu ma ħutna fil-bżonn!
Sinclair Bugeja
Seminarista VI sena