Ġesu m’għandux kwiet! – Mt 4:12-23
Is-silta tal-Evanġelju tal-lum mhix twila wisq. Madankollu, f’dawn il-ftit versi naraw lil Ġesu jagħmel ħafna affarijiet. Ġesu jterraq fil-Galilija, jgħallem, ifejjaq, u jsejjaħ.
Dak li għamel Ġesu elfejn sena ilu għadu jagħmlu llum ukoll.
L-istedina ta’ Ġesu għall-indiema għadha valida. Aħna lkoll midinbin. Wieħed għaref darba qal li min jaħseb li m’għandux dnub hu ħati ta’ ġudizzju: mhux qed jara d-dnub tiegħu għax mehdi jiġġudika d-dnubiet tal-oħrajn. Illum Ġesu qed jistedinna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza biex naraw fejn inqasna u nirranġaw fejn nistgħu.
Ġesu għadu jfejjaq. Il-Papa Franġisku ġieli rrefera għall-Knisja bħala sptar fil-battalja. Aħna lkoll, bid-dnubiet tagħna, għandna bżonn il-fejqan, u dan il-fejqan nistgħu insibuh fil-Knisja permezz tas-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin.
Ġesu għadu jsejjaħ. Aħna kollha msejħin biex inkunu dixxipli tiegħu. Jolqotni kif isejjaħ lill-ewwel dixxipli waqt li qegħdin fuq xogħolhom. Ma sabhomx id-dar jew waqt xi passiġġata; sabhom fuq xogħlhom. Ġesu jiltaqa’ magħna fir-realta tagħna. Nistgħu naħsbu li Ġesu qiegħed ‘il bogħod. Nistgħu naħsbu li Ġesu ma jridx affari magħna jekk ma nersqux lejH. Sejrin żball. Ġesu jrid jiltaqa’ magħna fir-realta tagħna, fil-ħajja tagħna, hi x’inhi. Id-dar, l-iskola, fuq il-post tax-xogħol… Fejn hemm aħna, Ġesu jrid jiltaqa’ magħna.
U la Ġesu għadu jsejjaħ lili u lilek fir-realta tagħna illum, l-istedina tiegħu, ‘Ejjew warajja’, hi ukoll għalija u għalik fir-realta tagħna illum. Ġesu jrid minna li nkunu dixxipli tiegħu billi ngħixu l-Evanġelju fir-realta tagħna ta’ kuljum. Tidher xi ħaġa diffiċli; m’hijiex. Ġesu jrid minna li nħobbu l-proxxmu tagħna bħalma ħabbna hu; jiġifieri b’imħabba bla limitu lejn kull bniedem. Sew min iħobbna, sew minma jħobbniex. Sew min jagħmlilna l-ġid, sew min jagħmlilna l-ħsara. Billi ngħixu din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nistgħu nkunu tassew xhieda ta’ Ġesu u sajjieda tal-bnedmin. Din mhix sejħa għall-qassisin u s-seminaristi biss; din hi stedina għal kull mgħammed.
Ġesu kien bieżel; Ġesu għadu bieżel. M’għandux kwiet! Għalija u għalik, fil-ħajja tagħna, Ġesu għadu jterraq, ifejjaq u jsejjaħ. Dak li kien jagħmel meta kien bniedem, Ġesu għadu jagħmlu għalina llum permezz tal-Knisja, li hi l-Ġisem tiegħu. U peress li aħna l-imgħammdin nagħmlu parti mill-Knisja, aħna lkoll imsejħin biex fil-ħajja tagħna nagħmlu bħall-Ġesu: inkunu Nsara f’kull mument u ċirkostanza ta’ ħajjtina.
***
Mt 4:12-23
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.