Għandi l-għatx!
Iż-żewġ kelmiet qawwija li Ġesù jlissen fuq is-salib “Għandi l-għatx”, illum nisimgħuhom jidwu f’din is-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann. Illum, nerġgħu naraw lil Ġesù jinħakem mill-għatx. Dan l-għatx ta’ Kristu jwassal biex il-mara Samaritana, il-protagonista ta’ din is-silta, tinduna hi wkoll li kienet bil-għatx. X’inhu l-għatx ta’ Ġesù? U x’kien il-veru għatx li kellha l-mara Samaritana?
Jolqotni ħafna, f’din is-silta, il-mod kif Ġesù jiltaqa’ ma din il-mara Samaritana b’mod li jista’ jidher aċċidentali. Ċertament, il-mara Samaritana ma marritx fuq il-bir biex tiltaqa’ ma’ Ġesù imma kien Ġesù li waqaf jistrieħ fuq il-bir biex jiltaqa’ magħha. Wieħed jista’ jsib diversi raġunijiet għalfejn Ġesù kien imissu jevita li jidħol f’konverżazzjoni magħha: l-ewwelnett, l-Evanġelju jgħidilna kien għajjien – forsi ma kellux moħħ diskussjonijiet; il-mara kienet Samaritana, u allura hi stess tistgħaġeb kif Ġesù, Lhudi, jitkellem magħha u jitlobha tagħtih jixrob. Ukoll, għax kienet mara, u probabbilment dehret stramba kif Ġesù għadda dan il-ħin f’konverżazzjoni profonda ma’ mara. Kien x’kien, Ġesù jegħleb dawn l-ostakli u jiġbed lil din il-mara lejh.
Ġesù hekk jimxi miegħi. Għal elf raġuni, jien ma jistħoqqlix li Ġesù jiġi għandi, li Ġesù jkellimni u jurini mħabbtu. Imma Ġesù jurini mod ieħor. Ġesù interessat fija u se jagħmel minn kollox biex isibni. Ġesù bil-għatx: mhux għall-ilma, imma għalija u għall-bnedmin kollha. U hawnhekk nifhmu għalfejn l-għatx tas-Samaritana, u tagħna, huwa differenti minn dak ta’ Ġesù. Waqt li l-għatx ta’ Ġesù huwa x-xewqa li jiltaqa’ magħna u jagħtina lilu nnifsu, l-għatx tagħna ħafna drabi jkun kilba biex nakkwistaw u mhux biex nagħtu; għatx biex nimlew il-ġarra tagħna b’affarijiet li se jispiċċaw, u li aktar ma jkollna minnhom, aktar se jaqbadna għatx. Bir-raġun ngħidu li aktar ma jkollna ġid, aktar ma naraw progress iseħħ, aktar jaqbadna għatx u donnu s-soċjetà tagħna maħkuma minn għatx li ma jinqata’ b’xejn.
Il-mara Samaritana ħalliet il-ġarra fuq il-bir, u telqet għall-belt, ixxandar ma’ kulħadd dak li kienet għaddiet minnu. L-istedina li qed tagħmlilna l-knisja f’dan it-Tielet Ħadd tar-Randan hija li aħna wkoll inħallu warajna l-ġarar ta’ ħajjitna, il-ġarar li nimlew kemm nimlew fihom, jibqgħu jiżvojtaw u jkomplu jkabbru fina l-kilba li nakkwistaw aktar. Ġesù qed iħabbat il-bieb ta’ qalbi llum. Imma rrid inkun jien li nagħmel spazju għalih. Meta Ġesù jidħol f’qalbi u jdewwaqni dan l-ilma li bih, qatt ma jerġa’ jaqbadni l-għatx, jien ukoll inkun nista’ ngħid “Alla waħdu biżżejjed” (Sta Tereża t’Avila).
***
Ġw 4:5-42
Ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?” Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?” Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ l-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.” Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.”
Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn.” Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi.” Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt, ‘ma għandix żewġi.’ Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!” Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm.” Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija, – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna.” Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek.”
Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh, ‘Xi trid?’, jew, ‘Għax qiegħed titkellem magħha?’ Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?” U nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!” Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih.” Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?” Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom.”
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: ‘Qalli kull ma għamilt,’ tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”