Bħala seminaristi u animaturi, ser inkunu qiegħdin nippreparaw Lectio Divina tal-Evanġelju tal-Ħadd. Jekk inti interessat li tifhem aħjar u tesperjenza verament l-Kelma ta’ Alla, nistednuk biex iżżomm għajnejk fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook u tabbona fin-newsletter billi timla d-dettalji hawn taħt.

 

 

Jekk għandek kurżita xi tfisser Lectio Divina, nistednuk taqra dan id-dokument li qed nisselfuh minn laikos.org, artiklu miktub minn Patri Anthony Cilia.

 

Daħla

L-eżerċizzju tal-Lectio Divina huwa l-għarfien u t-twettiq bl-għemil tar-rieda ta’ Alla permezz tal-Kotba Mqaddsa.

It-terminu Lectio Divina jfisser: Qari tal-Kelma ta’ Alla (Kotba Mqaddsa / Bibbja). Dan l-eżerċizzju mhux sempliċi qari ta’ dak li nsibu fil-Bibbja, bħallikieku wieħed qed jaqra xi rumanz. L-eżerċizzju tal-Lectio Divina huwa qari impenjattiv. Wieħed mhux biss irid joqgħod attent għal dak li qed jaqra fil-Kelma ta’ Alla, imma wkoll: jimmeditaha, jitlob permezz tagħha u jikkontemplaha. Dan ifisser li min jagħmel il-Lectio Divina jrid iħalli l-Kelma t’Alla taħdem fih: fil-ħsibijiet, fix-xewqat u fl-imġiba tiegħu kollha, hekk li jħalliha tagħġnu u tiffurmah kif trid hi, bla ma jagħmel reżistenza. B’dan il-mod huwa jsir ħaġa waħda mal-Kelma u r-rieda ta’ Alla.

Storja

Il-kotba tat-Testment il-Qadim jitolbu bla waqfien biex il-poplu jisma’, jobdi u jifhem dak li jrid jgħidlu Alla. “Isma’, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, meta timtedd, u meta tqum.” (Dt 6,4-7). Alla jkompli jinsisti permezz tal-profeti tiegħu: “Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi, iftħu widnejkom għal kliem fommi” (Salm 78,1). “Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ” (Is 55,3). “Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet, u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art, imma jġegħluha tnissel u tnibbet, u tagħti ż-żerriegħa ‘l min jiżra’ u l-ħobż ‘il min jiekol, hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel” (Is 55,10-11).

“Isma’, O Iżrael!” U fit-Testment il-Ġdid, f’Iżrael, kien hemm bnedmin li tassew semgħu u obdew il-Kelma ta’ Alla. U meta waslet il-milja taż-żminijiet, waħda tfajla li kienet minn dan il-poplu, tant semgħet u għexet bil-ħeġġa l-Kelma ta’ Alla, li l-istess Kelma saret bniedem ġo fiha! Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, miktuba fil-Kotba Mqaddsa, Marija kienet timmedita dak kollu li kien qed iseħħ madwarha u f’dawn il-ġrajjiet taqra l-messaġġ ta’ Alla għaliha. Kienet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19.50). Minħabba dan il-ftuħ tagħha għall-Kelma t’Alla, Binha stess uriha bħala bniedma verament hienja: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11,28). Ġesù, li hu l-istess Kelma t’Alla, jassigurana: “Tassew, tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 5,24).

Imħeġġin minn din il-wegħda tal-Imgħallem, l-evanġelisti u l-awturi sagri l-oħra, ħadu ħsieb iwasslu lill-ewwel insara (u lilna wkoll), il-Kelma ħajja ta’ Ġesù Kristu f’diversi kotba. B’dan il-mod, is-smiegħ u l-qari tal-Kelma t’Alla sar iċ-ċentru fil-laqgħat tal-komunitajiet insara. Dan jixhduh id-diversi kantici li jinsabu b’mod speċjali fl-evangelji u fl-ittri ta’ San Pawl. L-istess mod ta’ talb kien ukoll użat minn Missirijiet il-Knisja u mill-monaċi. Għal dawn tal-aħħar, il-qari u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla, flimkien mal-liturġija u x-xogħol manwali, kienet tifforma s-sinsla tal-ħajja tagħhom. Imma l-metodu tal-Lectio Divina li nużaw illum kien introdott fil-bidu tas-seklu 12 (madwar is-sena 1150) mill-monaku Ċertosin Guigo II. Fl-opra tiegħu “Ittra lil Fra Gervażju dwar il-ħajja kontemplattiva”, magħrufa wkoll bħala “Is-sellum tal-ġenna”, jispjega l-metodu tal-Lectio Divina bħallikieku kien sellum b’erba’ skaluni li mill-art iwassal għas-sema: Lectio (Qari), Meditatio (Meditazzjoni), Oratio (Talb) u Contemplatio (Kontemplazzjoni).

L-Ordni Karmelitan twieled fil-bidu tas-seklu 13, fl-Art Imqaddsa, proprju f’dan l-ambjent spiritwali tal-Lectio Divina. Għaldaqstant, meta l-ewwel eremiti Karmelitani talbu lill-Patrijarka ta’ Ġerusalemm, Albertu Avogadro, sabiex jagħtihom għamla ta’ ħajja, huwa kitbilhom Regula mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla. Infatti huwa jħeġġeġ lill-eremiti biex fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum il-Lectio Divina jkollha l-ewwel post: kull wieħed joqgħod f’kamartu “lejl u nhar jaħseb fuq il-Ligi tal-Mulej u jishar fit-talb” (kap. 10). F’dawk iż-żminijiet, il-kelma “jaħseb” (jimmedita) kienet tfisser li wieħed jaqra u jarġa’ jaqra u b’vuċi li tinstema’ l-Kotba Mqaddsa sakemm kważi jitgħallem is-silta bl-amment, hekk li l-Kelma tasal fil-qalb, fejn tinbidel f’talba u djalogu m’Alla. B’dan il-mod l-Kelma ta’ Alla “tgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb” (kap. 19) ta’ kull wieħed minnhom.

Fi tmiem iż-Żminijiet tan-Nofs (sekli 15-16), bħala reazzjoni għall-protestanteżmu u kemm minħabba l-introduzzjoni tad-Devotio moderna (li kien moviment reliġjuż mibni fuq il-ktieb L-Imitazzjoni ta’ Kristu) u tal-meditazzjoni sistematika (l-istil ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola u Santa Tereża ta’ Ġesù), il-Lectio Divina twarrbet fil-ġenb u l-Kotba Mqaddsa tilfu ħafna mill-importanza tagħhom fil-ħajja spiritwali tal-Knisja Kattolika in ġenerali.

Fi żminijietna, kien il-Konċilju Vatikan II li mill-ġdid ta lill-Kotba Mqaddsa l-importanza li kien jistħoqqilhom, hekk li fid-dokument Dei Verbum n.25, jirrikkmanda b’insistenza kbira l-Lectio Divina, b’mod partikulari lil dawk li huma impenjati fix-xandir tal-Kelma. Il-Papa preżenti, Benedittu XVI, għandu għal qalbu dan l-eżerċizzju u kemm-il darba ħeġġeġ għall-prattika tal-Lectio Divina: “Jiena ċert li jekk l-eżerċizzju tal-Lectio Divina jinfirex ma’ kullimkien, se jagħti rebbiegħa spiritwali ġdida lill-Knisja.” (16.11.2005). Fl-Eżortazzjoni Appostolika “Verbum Domini” (30.9.2010), Benedittu XVI jisqarr li “Fid-dokumenti li ħejjew u mxew mas-Sinodu ssemmew diversi metodi kif wieħed jista’ jersaq lejn il-Kotba Mqaddsa bi frott u l-fidi. Minkejja dan, l-akbar interess ingħata lill-Lectio Divina, li verament ‘għandha l-qawwa tiftaħ għall-fidili, it-teżor tal-Kelma t’Alla, u tlaqqagħhom ma’ Kristu, kelma divina ħajja'”. (n. 87)

Metodu

Għalkemm il-metodu tal-Lectio Divina huwa qadim, il-qari spiritwali tal-Kotba Mqaddsa huwa dejjem ġdid. Meta l-Ispirtu s-Santu nebbaħ lill-awturi sagri biex jiktbu, hu kien magħhom huma u jiktbu. Hu jibqa’ dejjem preżenti fil-Kotba Mqaddsa u jagħmel li l-Kelma ta’ Alla tibqa’ ħajja u tgħodd għal kull żmien. Hu jinsab mal-qarrej, l-istess kif kien mal-kittieba, biex jaqra u jifhem il-Bibbja “fl-istess Spirtu li bih inkitbet” (S.Glormu). Kristu nnifsu wiegħed lid-dixxipli li jibagħtilhom l-Ispirtu s-Santu biex jgħallimhom u jfakkarhom dak kollu li qalilhom hu (Ġw 14,26; 16,13). Ġesù jitkellem dwar l-Ispirtu bħallikieku kien l-eseġeta tiegħu, jiġifieri dak li jfisser il-Kelma tiegħu u jmexxi lid-dixxipli biex jifhmu l-misteru ta’ Kristu. Dan il-misteru jinsab fil-Kotba Mqaddsa kollha, anke jekk ma jidhirx. U mhux biss. Kristu huwa r-ruħ u ċ-ċentru tal-Kotba Mqaddsa, il-milja tal-istorja kollha kemm hi tas-salvazzjoni.

Għalhekk qabel tibda l-Lectio Divina itlob l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, iftaħ qalbek għall-preżenza tiegħu u ħallih imexxik hu f’dak kollu li għandu xi jgħidlek. Tista’ tuża xi waħda minn dawn it-talbiet jew oħra simili.

 

Ejja, Spirtu s-Santu,

dawwalni bid-dawl tiegħek,

għini nagħraf fil-Kelma tiegħek

dak li trid minni,

kebbisli qalbi bin-nar ta’ mħabbtek

biex fuq l-eżempju ta’ Ġesù u Marija

nagħmel dejjem ir-rieda tal-Missier.

 

 

 

 

jew…

Mulej Ġesù, inti għedtilna

li fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismek,

inti tinsab f’nofshom.

Nitolbuk, għalhekk, Mulej Ġesù,

ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuqna

ħalli bil-għajnuna tiegħu

naqraw u nifhmu l-Iskrittura Mqaddsa

bl-istess mod u spirtu

li hu nebbaħ lill-kittieba mqaddsa.

Saħħaħ fina l-fidi.

Għinna nintelqu kollna kemm aħna fik.

Oħloq fina s-skiet biex nisimgħu dak li trid tgħidilna.

Agħtina l-qawwa biex nagħmlu dak li trid minna.

U l-grazzja li nagħtuk glorja

u nikkontemplaw lill-Missier tul ħajjitna kollha.

Ammen.

L-erba’ skaluni tal-Lectio Divina

a) Lectio (Qari)

Huwa l-qari bil-mod, bl-attenzjoni u b’vuci li tinstema’ ta’ silta mill-Kotba Mqaddsa, filwaqt li tħalliha tidħol f’moħħok u f’qalbek sa ma kważi titgħallimha bl-amment.

Għalhekk ipprova ifhem sew it-test fih innifsu: billi teżamina l-azzjonijiet, is-sentimenti, l-ambjent, eċċ.; billi tieqaf fuq kull sentenza, fuq kull kelma (jekk ikun il-każ) u tifliha bir-reqqa, bil-ħsieb li taqbad it-tifsira sħiħa tas-silta.

Ġib f’moħħok (u jekk hemm bżonn, aqra) siltiet oħra mill-Kotba Mqaddsa li jitfgħu dawl ġdid fuq it-test li tkun qrajt.

Jekk is-silta li għażilt tkun mit-Testment il-Qadim fittex fiha wiċċ Kristu.

Hawn tajjeb tiftakar li hu Alla li qed ikellmek permezz ta’ din is-silta. U qiegħed ikellmek fis-sitwazzjoni konkreta li tinsab fiha f’dan il-waqt. Għaldaqstant, aktar milli taqra, trid tisma’.

b) Meditatio (Meditazzjoni)

L-għan tal-meditazzjoni hu li wieħed jikxef u jsib il-verità moħbija tat-test bibliku. Għalhekk wara li tkun qrajtu, trid tkompli tħaffer u tinżel fil-fond tas-silta sa ma ssib it-teżor moħbi. Dan tasal għalih billi: tfittex x’messaġġ għandu Alla għalik permezz tas-silta li qrajt. X’qegħdha tgħidlek fuq ħajtek jew fuq l-ambjent li tgħix fih? Forsi qed titolbok tibdel l-imġiba tiegħek jew tqanqlek biex tagħmel xi ħaġa?

c) Oratio (Talb)

S’issa kien Alla li kellmek permezz tal-Qari u tal-Meditazzjoni. Issa huwa l-waqt li titkellem int, li twieġeb għall-Kelma tiegħu. Il-Kelma ta’ Alla tista’ tnissel fik diversi sentimenti: tifhir, radd il-ħajr, tnehid, xewqat, sogħba ta’ dnubietek, eċċ…. F’dan il-mument tkellem m’Alla fuq dak li jkun qallek, fuq il-Kelma tiegħu. Tista’ tuża’ xi Salm li jesprimi dak li tkun qed tħoss f’dan il-mument. B’dan il-mod tkun qed titkellem ma’ Alla bi kliemu stess!

d) Contemplatio (Kontemplazzjoni)

F’dan il-waqt erġa’ aqra s-silta u iggustaha bil-mod il-mod fid-dawl ġdid li ksibt fuqha waqt il-Lectio Divina. Il-kontemplazzjoni hija grazzja ta’ Alla. Għaldaqstant, meta jrid u kif irid, Alla jaf idewqek il-ħlewwa tal-preżenza tiegħu fil-Kelma tiegħu. U int, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħu, aktar ma taqra u titlob il-Kelma ta’ Alla, aktar issir ħaġa waħda miegħu, aktar tibda tara l-affarijiet u l-ġrajjiet ta’ madwarek bl-għajnejn ta’ Alla. F’dan il-mument, bħala frott tal-Lectio Divina, ma tkunx aktar int li tgħix imma Kristu li jgħix fik (Gal 2,20).

“Il-Kelma hi qribek sewwa, f’fommok u f’qalbek, sabiex tagħmilha” (Dt 30,14). L-iskop tal-Lectio Divina hu li wieħed jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jpoġġiha fil-prattika. Għalhekk tista’ tagħlaq din il-laqgħa tiegħek mal-Mulej billi żżomm f’moħħok kelma jew sentenza mill-Kelma tiegħu biex tmexxik matul il-jum. Hekk, il-Lectio Divina tkunlek ta’ għajnuna biex tirritorna lejn il-ħajja tiegħek ta’ kuljum u tkompli taqdi dmirek b’qawwa ġdida.

Tista’ ttemm il-Lectio tiegħek b’waħda minn dawn it-talbiet jew oħra simili.

 

Missierna, li inti fis-smewwiet:

jitqaddes ismek;

tiġi saltnatek;

ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum;

aħfrilna dnubietna,

bħalma naħfru lil min hu ħati għalina;

u la ddaħħalniex fit-tiġrib;

iżda eħlisna mid-deni. Amen.

 

jew…

Grazzi Mulej Ġesù tal-Kelma ħajja tiegħek

li fiha wrejtna r-rieda tal-Missier għalina.

Agħmel li l-Ispirtu tiegħek

idawwal l-azzjonijiet tagħna,

u jagħtina l-qawwa

biex nagħmlu dak li qed titlobna.

Agħmel li bħal Ommok Marija,

inkunu qaddejja fidili tal-Kelma tiegħek.

Int li tgħix mal-Missier

fl-għaqda tal-Ispirtu s-Santu,

għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Suġġerimenti prattiċi

Il-metodu li għadna kemm fissirna jista’ jservi mhux biss bħala talba personali imma wkoll bħala talba komunitarja (tal-grupp). Fiż-Żminijiet tan-Nofs, fost il-monaċi, kienet teżisti l-Collatio, jiġifieri l-laqgħa tal-membri tal-komunità biex jaqsmu bejniethom il-frott tal-Lectio Divina magħmula individwalment dwar silta biblika speċifika.

Illum ukoll jinħass il-bżonn li nitolbu flimkien u naqsmu bejnietna l-esperjenza ta’ Alla f’ħajjitna. Iżda meta nkunu grupp, irridu noqogħdu attenti li ma nibdlux il-Lectio Divina fi grupp ta’ talb (Prayer Group) jew fi grupp ta’ studji bibliċi (Biblical Study Circle).

a) Il-Lectio Divina waħdek

– Il-Lectio Divina mhix marbuta ma’ xi post jew ħin. Tista’ tagħmilha d-dar, fil-knisja, fil-kampanja, filgħodu jew filgħaxija.

– Sib madwar nofs siegħa matul il-ġurnata li fiha tista’ tinġabar daqsxejn fik innifsek u tiltaqa’ ma’ Alla.

– Imxi fuq il-metodu tal-Lectio Divina billi titla’ skaluna wara l-oħra bil-kalma kollha.

– Aktar ‘il quddiem, meta l-prattika tal-Lectio Divina issir familjari miegħek, tibda tgħaddi minn skaluna għall-oħra b’faċilità kbira.

– Il-Kontemplazzjoni hija grazzja speċjali li Alla jagħti lil min hu perseveranti u kostanti. Għalhekk għamel kuraġġ għax Alla huwa dejjem lest li jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu (Lq 11,13).

 b) Il-Lectio Divina fi grupp

– Il-Lectio Divina kienet issir mill-monaċi (patrijiet) individwalment. Aħna nagħmluha flimkien biex bil-għajnuna ta’ xulxin nitħarrġu f’dan l-istil ta’ ħajja nisranija mibnija fuq il-Kelma t’Alla.

– Importanti li l-erba’ skaluni tal-Lectio Divina (Qari-Meditazzjoni-Talb-Kontemplazzjoni) nitilgħuhom waħda wara l-oħra, u li jkollna ħin biżżejjed għal kull waħda.

– Kundizzjoni indispensabbli fil-Lectio Divina hija s-skiet – li niskot, noqgħod bi kwieti, nitwarrab mill-istorbju ta’ madwari, biex nisma’ dak li jrid jgħidli Alla permezz tal-Kelma tiegħu u ta’ sħabi. “Tkellem Mulej, għax il-qaddej tiegħek qed jisma'”. (1Sam 3)

– Mhux l-iskop tal-Lectio Divina li nagħmlu esiġeżi tat-test bibliku, imma li bil-għajnuna ta’ xulxin, infittxu x’inhu l-messaġġ ta’ Alla għalina, f’dan il-waqt partikulari ta’ ħajjitna. Għalhekk fil-Lectio Divina m’hemmx lok ta’ mistoqsijiet, tweġibiet jew diskussjonijiet. (Jekk xi ħadd ikollu xi diffikultà jew problema jħalliha għal wara l-laqgħa.)

– Il-qsim (sharing) mal-membri tal-grupp, tas-sentimenti, ħsibijiet u talb personali mhux obbligatorju. Imma huwa importanti li min jitkellem:

+ iħalli minuta jew tnejn silenzju bejn riflessjoni u oħra

+ kliemu jkun ċar u fil-qosor

+ dak li jgħid ikun jaqbel mis-suġġett

+ ma jirrispondix għal xi riflessjoni li tkun saret minn xi ħaddieħor

+ ma jkunx dominanti billi jitkellem ta’ spiss (agħti ċans lil oħrajn jipparteċipaw ukoll)

– L-aħħar skaluna, il-Kontemplazzjoni, hija xi ħaġa personali, ma tistax issir fil-grupp imma fil-privat. Għaldaqstant wara li tkun tlajt l-ewwel tlett skaluni tal-Lectio Divina mal-grupp, fittex xi ħin biex fis-skiet ta’ darek tkompli tixtarr u tiggosta dak li qrajt (Lectio), immeditajt (Meditatio) u tlabt (Oratio) fil-grupp, u hekk tkompli tgħix fil-preżenza t’Alla (Contemplatio) tul il-ġimgħa kollha.

 

Comments