Talba

Għażiż Ġesù, għini biex inxerred il-fwieħa tiegħek kull fejn immur.
Fawwar il-qalb tiegħi bl-ispirtu u l-ħajja tiegħek.
Idħol ġewwa fija u ħu kontroll tiegħi innifsi kollni kemm jien,
b’mod li l-ħajja tiegħi tkun tirrifletti lilek biss.

Iddi minn ġo fija, kun ġo fija innifsi b’mod
li kull persuna li niġi f’kuntatt magħha
tħoss il-preżenza tiegħek ġo fija.
Ħalli jħarsu u jaraw mhux aktar lili, imma lilek biss!

Ibqa’ miegħi, ħalli nsir niddi bħalma tiddi Inti,
ħalli b’hekk insir dawl għall-oħrajn.
Id-dawl, O Ġesù, ikun ġej kollu minnek, xejn ma jkun tiegħi;
tkun Inti li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi.

Għalhekk, ħallini nfaħħrek bil-mod kif Inti tħobb l-aktar:
billi niddi fuq dawk ta’ madwari.
Ħallini nxandrek bla ma nitkellem,
mhux bil-kliem, imma bl-eżempju tiegħi,
bil-forza qawwija ta’ dak li jiena nwettaq,
bix-xiehda ċara tal-imħabba li f’qalbi tfawwar għalik.  Ammen

L-Evanġelju: Ġw 1:6-9;19-28

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl. Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija:“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ” Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

 

Riflessjoni

Jekk l-Avvent huwa l-perjodu fejn inħejju ruħna għall-miġja ta’ Ġesù, huwa wkoll l-istaġun fejn nitgħallmu x’mhuwiex Ġesù. Dan huwa dak li jgħallimna Ġwanni l-Evanġelista permezz ta’ Ġwanni l-Battista. Biex ma nitħawdux, ser inkun qed nirreferi għal Ġwanni l-Evanġelista bħala l-Evanġelista, u għal Ġwanni l-Battista bħala l-Battista.

Versi 6-8

Il-poeżija tal-prologu tagħti ftit spazju għan-narrativa fuq il-Battista. Xi wħud jgħidu li versi 6-8 ġew miżjuda wara iżda xorta waħda huma validissmi għall-Evanġelju. Il-kliem ‘mibgħut minn Alla’ huma importanti għaliex l-ebda karattru ieħor fi Ġwanni ma għandu dan it-titlu. Għalhekk il-Battista huwa parti essenzjali mill-pjan divin. Din il-missjoni tal-Battista, ċioè li jagħti xhieda tad-Dawl, jiftaħ sezzjoni oħra tal-Prologu (6-14). B’mod simili għal-ewwel sezzjoni, naraw l-enfasi fuq id-Dawl. Dan id-dawl ġie fid-dinja (v. 9). Dak li kellna traċċa tiegħu fl-ewwel vrus, issa jieħu s-centre  stage: l-Inkarnazzjoni tad-dawl. F’vers 8 insibu li  l-Battista ġie fl-istorja umana, bil-Grieg: egeneto anthropos, verb fl-aorist, li bl-Ingliż jittraduċi ruħu għal: a man appeared: qisu bla kuntest ifeġġ Ġwanni. Bl-istess mod tad-Dawl, il-Verb sar laħam: sarx egeneto.

Versi 19-21

Il-Lhud, jibagħtu d-delegazzjoni biex titkixxef l-identità tal-Battista, u jsaqsu l-mistoqsija perenni: ‘Min int?’ Mill-ewwel nistgħu nħossu t-tensjoni bejn il-Lhud, u dawk mibgħutin minn Alla: ċioè d-Dawl u x-xhieda ta’ dad-Dawl. Fix-xhieda ta’ Ġwanni, nsibu użata l-kelma martyria. Hawnekk l-Evanġelista jkompli jsostni li r-rwol tal-Battista mhux ta’ prekursur imma ta’ xhud. Su tis ei? Min int? Din il-mistoqsija hija bħala leit-motif tar-4 Evanġelju, li prattikament tidditermina s-suċċess jew il-falliment ta’ kull karattru li niltaqgħu miegħu ’l quddiem.

Ġwanni jwieġeb li mhux il-Messija. Bil-Grieg il-kelma stqarr qiegħda doppja, ċioè: transliterated tiġi: U hu stqarr u ma ċaħadx, imma stqarr. B’enfażi ta’ tliet kelmiet, Ġwanni juri li l-istqarrija li l-Battista mhux il-Messija ser tkun importanti kemm għall-identità tal-Battista u wisq aktar għal ta’ Ġesu. It-tweġiba tal-Battista hija interessanti wkoll. Ego ouk eimi, ċioè ‘Jien le hu’. Wieħed jista’ jara d-differenza mal-Ego eimi ta’ Ġesù. Ta’ min niftakru wkoll li għall-komunità tal-Evanġelista, il-fatt li jistqarru lil Ġesu bħala l-Messija, fissret esklużjoni mis-sinagoga.  Dan narawh peress li l-verb homologein jidher biss f’ 9:22 u 12:42 fl-istess evanġelju. Id-darbtejn hemm it-tkeċċija mis-sinagoga msemmija.

Versi 22-23

‘Fid-deżert’. Id-deżert kif nafu huwa teoloġikament rikk. Huwa intrinsikament marbut mar-rappreżentazzjonijiet Messjaniċi u reliġjużi t’Israel. Skont id-dokumenti tal-Qumran, fid-deżert il-profeta jista’ jiddistanzja ruħu min-nies il-maħmuġin u jiprepara t-triq tal-Mulej (1 QS 8:13). Insibu wkoll fl-istess dokument l-aspett eskatoloġiku fejn il-komunità tipprepara ruħha għall-battalja l-qaddisa. Naraw li r-rwol tal-Battista huwa prefigure ukoll tal-Paraklitu. B’mod litterali l-Paraklitu huwa dak li “jmexxi fit-triq tal-verita” (Ġw 16:12-13).

Vers 25

Hawnekk naraw li l-azzjoni tal-Battista, ċioè li jgħammed, hija sekondarja, kważi kważi fl-isfond. Huwa interessanti li hawnekk Ġwanni jintroduċi t-tema tal-ilma fl-Evanġelju tiegħu, liema tema hija importanti ħafna. It-tema tal-ilma tintuża bħala simbolu tal-ħajja, u addirittura Bin Sirak iqabbel l-Għerf Divin mal-ilma.

Vers 26

“Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.” Ir-risposta tal-Battista hija kollha indirizzata lejn Ġesù. Huwa evidenti li fil-bażi tar-risposta hemm ir-risposta tas-Sinottiċi li jqabblu l-magħmudija tal-Battista ma’ dik li jgħammed biha l-Messija, allura dik tal-Ispirtu u n-nar, kif insibu f’Mk 1:8, Mt 3:11 u Lq 3:16. Ġwanni min-naħa l-oħra ddeċieda li għalissa ma jsemmix l-ispirtu u n-nar. Isemmihom f’vers 33.

Bil-kliem “imma f’nofskhom” Ġwanni qed jerġa’ jfakkarna fil-Prologu fejn f’vers 14 insibu li l-Verb għammar fostna, ċioè eskenosen en hemin, bl-Ingliż: ‘pitched his tent amongst us.’

“Intom ma tafuhx.” . Il-Battista qed jurina ukoll li hu għarfu lil Kristu. Hymeis, intom, jgħidilhom il-Battista. Qisu bħal irid jiddistingwi ruħu kompletament min-nies, mill-‘intom.’ Naraw ukoll li l-Battista qed joqroshom ukoll għaliex għall-kuntrarju tan-nies li jmorru għandu biex jitgħammdu, dawn il-messaġiera marru biex jitkixxfu.

Vers 27

F’dan il-vers, il-Battista jkompli jħawwad lill-messaġiera. Huma l-istess kliem li nsibu f’Mark 1:7 iżda hawnekk il-kliem huma mimlijin bi spirtu ta’ wiegħda u tama, li wara kollox qed niċċelebraw dan il-Ħadd. Ġwanni juża axios biex jirreferi għan-nuqqas ta’ valur, biex jgħid “jiena anqas ma jistħoqqli”, iżda s-sinottiċi jużgħu hikanos, li bl-ingliż tfisser fit. Ġwanni juża ukoll is-singular ta’ qorq, filwaqt li s-sinottiċi jużaw il-plural. Li tħoll il-lazz kien xogħol tas-serv, allura Ġwanni qed ikompli jnaqqas il-valur lill-Battista biex ikompli joħloq dan il-baħar ta’ differenza bejn il-Battista u l-qarib tiegħu.

Vers 28

Nota fuq Betanja. Jidher li kien hemm 2 Betanji, issa l-importanza tmur lil hinn mill-ġeografija. Ġwanni, qed jurina li l-Battista kien qed jgħammed lil hinn mill-Ġordan, allura qed jissimbolizza l-verità li l-Lhud, għax kienu diżubbidjenti, tilfu d-dritt tagħhom li jkunu ulied Abraham, kif insibu f’Mt 3:9. Għalhekk, sabiex jerġgħu jidħlu fl-Art Imwiegħda iridu jerġgħu jgħaddu mill-Ġordan.

Konklużjoni u mistoqsijiet

Nagħlaq billi nislet ftit ħsibijiet minn dal-karattru stramb fir-4 evanġelju. Fl-Evanġelji, l-Battista jingħata tliet impressjonijiet differenti: Il-Mulej sejjaħlu l-akbar, il-mara ta’ Erodi ma ħamlitux, u n-nies x’imkien fin-nofs. Il-Battista jidħol fix-xena tal-Evanġelji fid-deżert, u joħroġ minnhom fil-ħabs. Id-deżert fejn il-Mulej isejħilna għalih waħdu sabiex inħalluh iħobbna. Fil-ħabs, nistgħu nimmaġinaw id-dieqa li kellu hu u jikkontempla ħajtu. Forsi s-swidija u d-dlam tal-ħabs kienu rifless ta’ kif ħassu? Iżda r-risposta li ta lid-dixxipli fi Ġwanni 3, turina li mhux il-każ: “Dak li għandu l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib ta’ l-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus. U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena.”

Il-Battista qisu m’għandux skop għajr dak li jkun ix-xhud ta’ Kristu, intrinsikament marbut ma’ Ġesù, bħal donnu m’għandux funzjoni għajr li jagħti xhieda.  It-titli li jagħti lil Ġesù, ċioè: il-Ħaruf ta’ Alla (1:36) u L-Iben ta’ Alla (1:34) huma bħal donnu qed jiżvelaw l-Identità ta’ Ġesù.

Jien bħal Ġwanni nagħraf li Ġesù huwa s-Salvatur tad-Dinja? Li huwa l-Ħaruf t’Alla mogħti għalija biex jifdini? Il-mistoqsija “Min int?” kif inweġibha? Nidħol fil-fond ta’ qalbi u nħares lejja nnifsi mill-għajnejn ta’ Alla qabel inwieġeb il-mistoqsija “Min int?” Hemm sens qawwi, bħal ma kellu l-Battista, ta’ umiltà fija? Fil-ħidma tiegħi, speċjalment dik pastorali, lest li bħall-Battista “jikber hu u niċkien jiena”? Jiena xhud denju u radikali bħalma kien il-Battista? Finalment, nara lili nnifsi li qed inħejji ruħi, inwitti ruħi biex nilqa’ l-miġja tal-Mulej dal-Milied?

 

Erġa aqra t-test bil-mod u ħalli l-Mulej ikellmek permezz tiegħu……

Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl. Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom. Mbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija:“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ” Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.

Comments