It-Tieni Ħadd tal-Avvent: ‘Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’

Att ta’ Preżenza

Mulej Ġesu, inroddulek ħajr tal-Kelma tiegħek li inti għoġbok tagħnina biha, sabiex tkun hi l-gwida ta’ ħajjitna. Nitolbuk sabiex permezz ta’ dan il-mument ta’ talb tmiss il-qalb ta’ kull wieħed minna, skont il-bżonn tal-istess qalb tagħna.  Nitolbuk sabiex tibagħtilna l-Ispirtu tiegħek sabiex mhux biss nifhmu u niftakru l-Kelma tiegħek imma sabiex ngħixu u nkunu xhieda tal-istess Kelma.

 

Evanġelju – Mk 1:1-8

Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben t’Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

            ‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr 

            tiegħi biex iħejji triqtek.

            Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

            Ħejju t-triq tal-Mulej,

            iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,’ (a)

hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom. (b)

Ġwanni kien jilbes libsa magħmula mix-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġurati u għasel selvaġġ.(ċ) U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu.” (d)

 

Riflessjoni

L-Ewwel kelma tal-Evanġelju hija l-istess kelma li biha jibda l-Evanġelju ta’ San Ġwann u kif jibda ukoll il-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja. Fl-Evanġelji ta’ San Luqa u San Mattew, din il-kelma tinstab fil-preżentazzjoni tal-oriġini ta’ Ġesù. Bl-użu ta’ din il-kelma, l-Evanġelisti jirreferu għall-inawgurazzjoni ta’ ħolqien ġdid li huwa l-ispirtu tal-Avvent: nitħeġġu nerġgħu nitilqu mil-ġdid wara li nkunu nħkimna mill-apatija jew mill-medjokrità. Kemm hija għal-qalbna din il-ħeġġa?

L-Evanġelju (l-aħbar it-tajba) hija dik tas-Saltna t’Alla: tibda permezz tat-twelid ta’ Ġesù u twassalna fl-Għid, fir-rebħa. Dan ifakkarna fil-kliem tal-Profeta Isaija Kap 40: 1-11, fejn il-poplu huwa mħeġġeġ li jifraħ u jxandar l-aħbar għat-tmiem tal-jasar. Nemmnuh verament dan? Il-ħajja tiegħi hija karatterizzata mit-tħabbira tal-ferħ, mit-tħabbira u l-kobor ta’ din l-aħbar tar-rebħa fuq il-ħażen? Innissel dawn l-elementi f’dawk li jiltaqgħu miegħi?

Il-perspettiva tal-Evanġelju ta’ San Mark: l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù Kristu l-Iben t’Alla, liema frażi nerġgħu nsibuha  f’Kap.15:39, fejn pagan jirrakkonta l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib fejn jirreferi għalih bħala l-Iben t’Alla. Din il-perspettiva hija ċ-ċavetta għar-rakkont f’dan l-Evanġelju. F’ħajjitna, naslu għal kompromessi mal-fidi tagħna fejn nagħżlu toroq aktar faċli flok dawk li jkabbru fina l-virtujiet?

  1. Din il-frażi fil-bidu tal-Evanġelju turina: l-istennija kbira tal-poplu t’Israel għall-Midluk t’Alla, li kien tant mistenni sabiex jeħles lil-poplu Lhudi mill-jasar; flimkien mal-ferħ tal-ewwel Insara għar-rebħa fuq il-ħażen. Liema toroq f’ħajjitna ma jwasslux għand Alla? X’mezzi nuża biex inħejji t-triq għall-oħrajn sabiex jaslu għand il-Messija?
  2. L-għajta ta’ Ġwanni l-Battista għal Baptisma Metanoias (magħmudija li tbiddel it-triq) hija waħda ċara: biddlu d-direzzjoni! Fil-ħajja tagħna nistgħu nirriskjaw ngħidu li kbirna biżżejjed f’aspett jew ieħor u fejn b’superjorità, dak li jgħidli ħaddieħor ma nqisux. Kemm nammettu li lkoll niżbaljaw? Kemm nikkunsidraw li żballji ta’ uħud jidhru u ta’ oħrajn huma aktar mistura, imma li aħna kollha għadna f’mixja? Nemmnu li Alla jkellimna permezz ta’ dik il-persuna li l-anqas inkun qed nistenna li jkellimni biha?
  3. Ġwanni kien fejn ma hemmx kumdità, fejn huwa faċli li ma tibqax tara ċar u fejn it-toroq mhumiex ċari: huwa l-post tal-avventura – id-deżert. Il-popolarità ta’ Ġwanni narawha fil-Lhud li kienu jiġu, sabiex jixhdu l-fidi tagħhom u jistqarru dnubiethom. Fid-deżert ma tistax tinħeba jew tegħda b’affarijiet differenti, imma hemm ikollok tiffaċċja lilek innifsek int kif int u tasal taċċetta lilek innifsek kif int. Id-deżert huwa l-post fejn fis-silenzju, imma bid-disponnibiltà, Alla jsir id-dawl u l-vuċi li tista’ tinstema’. Huwa l-post fejn il-ħitan li matul il-ħajja tagħna nibnu biex nipproteġu lilna nnfusna, li però jaslu jkunu ta’ ostakli li ma jħallunix naraw ċar x’hemm barra minnhom, jinħattu. X’ostakli hemm fir-relazzjonijiet tiegħi m’Alla, miegħi innifsi u ma’ persuni differenti minni?
  4. L-umiltà ta’ Ġwanni l-qaddej tidher f’dak li kien iżomm dejjem quddiem għajnejh: dak li għandu jiġi huwa akbar minnu, huwa jħejji biss it-triq. Kienet tradizzjoni li l-istudenti ta’ xi mgħallem, ikunu huma li jneħħu l-qorq tal-imgħallem tagħhom, iżda Ġwanni lanqas iħossu dehen li jagħmel dan fid-dawl tal-kobor ta’ dak li ġej. Kemm Alla jinfluwenza l-mod ta’ kif naħseb, niddiskuti? Niftakar li jien qaddej? Nemmen li Alla jista’ kollox anke fejn naraw li huwa impossibbli?

Erġa aqra t-test bil-mod u ħalli l-Mulej ikellmek permezz tiegħu……

Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben t’Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

            ‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr 

            tiegħi biex iħejji triqtek.

            Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

            Ħejju t-triq tal-Mulej,

            iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,’

hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa magħmula mix-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġurati u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu.”