Insibu postna (Lq 18:9-14)

Insibu postna (Lq 18:9-14)

L-ewwel vers hu importanti għax jgħidilna għal min hi indirizzata din is-silta: għal dawk li jmaqdru lill-oħrajn, għal dawk li jħarsu lejn dak li jagħmlu u jinsew li kollox hu don. Hemm problemi kemm fir-relazzjoni m’Alla kif ukoll ir-relazzjoni mal-oħrajn. Hemm xi ħaġa li mhijiex f’postha fit-tnejn.

Il-fariżew jitlob bil-wieqfa u għalkemm maqtugħ, mhux maqtugħ biżżejjed biex ma jinstemax. Il-pubblikan, min-naħa l-oħra, jitlob f’qalbu. Id-differenza mhux li wieħed tajjeb waqt li l-ieħor mhuwiex; it-tnejn huma ħżiena. Id-differenza hi li wieħed jaf li hu ħażin, u l-ieħor ma jafx.

X’inhu dak li lilna jifridna minn Alla? Jista’ jkun li affarijiet li jidhru tajbin jifirduna mill-oħrajn? Noqogħdu attenti kif nitkellem? Nistgħu ninfetħu għall-ieħor, jew nagħżlu li ninqatgħu mill-ieħor? X’hemm differenti bejn realtajiet differenti minnha? Nindunaw li quddiem realtajiet varji, hi l-grazzja t’Alla li ssostnina?

Interessanti li t-talba tal-pubblikan mhijiex sempliċiment karba għall-ħniena imma hija kelma li fl-Evanġelju tintuża hawn biss u għandha x’taqsam f’kuntest ta’ tpattija. Il-pubblikan jitlob lil Alla biex jilqa’ l-ġest tiegħu bħala sagrifiċċju u jaċċettah għad-dnubiet tiegħu.

Il-punt, għalhekk, hi l-umiltà fir-relazzjonijiet; l-onestà ta’ fejn aħna, quddiem l-oħrajn u quddiem Alla. Iġġustifikat min hu umli m’Alla u mal-oħrajn. Insibu postna fil-komunità bl-għajnuna t’Alla, bl-għarfien ta’ min aħna. Nagħrfu li mhux imsejħa għax aħjar mill-oħrajn, imma li nibqgħu niġi magħżula waqt li aħna midinba, kif jgħid Papa Franġisku?

Inħarsu lejn qalbna, u nitolbu lil Alla jurina fejn qalbna ma taqbilx mal-qalb li jrid isawwar fina. Nitolbu jurina l-verità dwarna nfusna u biex ma nibżgħux minn din il-verità, u biex jgħinna ngħixu l-ħajja b’sens ta’ don u gratitudni għall-ħniena tiegħu.

____

L-Evanġelju tat-Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 18:9-14)

Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.’ Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’ Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”