Il-Misteru tal-Inkarnazzjoni sa mill-bidu tiegħu huwa misteru li jseħħ fis-skiet, mistur minn għajnejn in-nies, magħruf biss min-nies umli u ċkejkna. Jaf il-bidu tiegħu f’Nażaret, raħal ċkejken u minsi. L-ewwel aħbar tasal lil Marija, ix-xebba umli, li tagħti l-kunsens tagħha fis-skiet ta’ darha. Ġużeppi jilqa’ dan il-misteru hekk kif tħabbar lilu b’ħafna umiltà fis-silenzju tal-qalb tiegħu. Lir-rgħajja ta’ Betlehem jitħabbar it-twelid tas-Salvatur fis-skiet tal-lejl.
F’diskors li l-Beatu Papa Pawlu VI kien għamel f’Nażaret fil-5 ta’ Jannar 1964, jitkellem dwar is-skiet li tgħallimna l-familja ta’ Nażaret u jgħidilna li mhux li kien nifhmu l-bżonn tiegħu u napprezzawh u nħossu l-ħtieġa tiegħu “meta ninsabu mdawwrin b’kull xorta ta’ għajjat u ħsejjes u storbju f’dawn iż-żminijiet ta’ ħajja mgħaġġla u tant imqanqal tagħna.” Is-skiet jgħinek twarrab l-ilħna vojta u bla sens ta’ madwarek u jiddisponik biex tisma’ l-vuċi ta’ Alla ġewwa fik u tilqa’ dak li jkun irid minnek. Marija hija eżempju perfett għal kull min irid jimxi fit-toroq tal-Mulej.
Il-Mulej kontinwament qiegħed isejjaħ, biss hawn ħafna xi jtellef il-vuċi tiegħu. Nistedinkom inkomplu nitħeġġu fit-talb tagħna għal tant żgħażagħ li l-Mulej qiegħed isejjaħ imma għadhom mhux qed jgħarrfu l-vuċi tiegħu jew huma aljenati, ħalli japprezzaw il-valur tas-skiet u jiftħu qalbhom għas-sejħat tiegħU.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-fuljett Is-Seminarju (Diċembru 2019).