L-ewwel għajn ta’ formazzjoni għal kull persuna hija l-familja. Min jaf kemm niftakru f’pariri li jkunu tawna l-ġenituri fil-passat u li jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ f’ċirkustanzi diffiċli. L-esperjenza fil-familja tista tkun waħda li tibni iżda sfortunatament tista tkun waħda li tkisser lill-bniedem. Għalhekk jeħtieġ li nitolbu għall-familji tagħna biex ikunu post ta’ formazzjoni, li jgħinu fil-bini tal-identita, tal-karattru u tar-relazzjoni ma’ Alla. Jingħad li meta il-Papa Piju X, ġie ordnat isqof, huwa mar juri ċ-ċurkett lil ommu u hi urietu tagħha u qaltlu, “Li kieku ma kienx għal dan iċ-ċurkett inti m’intix hawn quddiemi u ma stajtx issir isqof illum.” Il-vokazzjoni saċerdotali toħroġ mill-familja u għalhekk il-bżonn li bħala familja nippreżentaw is-sejħa ta’ Alla lill-uliedna. Kultant isir ħafna emfasi fuq l-istudju, il-karriera, li huma affarijiet tajbin iżda bħala familji kemm qegħdin nippreżentaw is-sejħa ta’ Alla, u li l-veru ferħ jinsab f’li wieħed jagħmel ir-rieda tal-Missier?