Iż-żerriegħa li tikber!

Il-logo l-ġdid taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju, ddisinjat mis-Sur Michael Grech, jgħaqqad flimkien iż-żerriegħa, il-weraq u żewġ toroq li jidħlu f’xulxin.

Iż-żerriegħa tfakkarna li l-vokazzjoni bħal ma jiġri fin-natura tibda minn żerriegħa ċkejkna li Alla jitfa’ fil-qalb tal-bniedem. Meta wieħed jieħu ħsieb dik iż-żerriegħa din tikber f’siġra mimlija weraq u frott. Iż-żewġ toroq li jidħlu f’xulxin bħal f’salib it-toroq ifakkruna li meta wieħed ikun qiegħed jagħraf is-sejħa tiegħu, diversi drabi jiġi f’mumenti fejn irid jagħmel għażliet differenti biex ikompli jwieġeb ‘iva’ lil Alla. Fl-aħħar xhur is-seminaristi organizzaw diversi laqgħat u attivitajiet fis-Seminarju, u fl-aħħar ġimgħat anke online sabiex jiltaqgħu ma’ żgħażagħ u adolexxenti. F’dawn il-mumenti flimkien minbarra li sirna nafu iżjed lil xulxin, tkellimna wkoll kif nistgħu nagħrfu aħjar it-triq li Alla jridna nagħżlu f’ħajjitna. Nitħeġġu għalhekk biex nkomplu nitolbu għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex jisimgħu s-sejħa ta’ Alla u jwieġbu għaliha b’ħafna ġenerożita.