Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu

EVANĠELJU Ġw 18:33b-37
Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”. Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

ALLA, SULTAN U ĦAKKIEM TA’ KOLLOX

X’inhi t-tifsira jew is-sinifikat tas-saltna jew ir-Renju ta’ Ġesù għalina? Saltna jew Renju illum il-ġurnata tinstema’ xi ħaġa antikwata speċjalment f’soċjetajiet demokratiċi fejn kulħadd huwa liberu.

Tajjeb li niftakru li Alla għall-ewwel ma riedx li jagħti Sultan lil poplu ta’ Iżrael. Għaliex? Għaliex Alla waħdu kien is-Sultan tagħhom u ma kellhom bżonn lil ħadd iżjed. Minkejja dan Alla mar għax xewqa tal-poplu ta’ Iżrael, kif insibu fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel kapitlu tmienja (1 Samwel 8), u tah sultan u aktar tard Alla wiegħed li mil-linja ta’ David se jwaqqaf Sultan u Saltna li tibqa’ għal dejjem. Kif nisimgħu f’Salm 89: 29, “It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem, u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.”

Ġesù verament ġie u kien il-Messija. Ġesù kien dak il-Messija u vera Sultan li salva lill-poplu tiegħu u lid-dinja kollha mill-agħar ħakma possibli: dik tal-jasar tad-dnub, il-kundanna u l-mewt. Huwa ħelisna mis-saltna ta’ Satana: dik tal-qerq, l-oppressjoni u l-qerda. Ġesù ġie biex jirbaħ lill-qalb u lir-ruħ għal saltna li ħadd u xejn ma jista’ jeżżiżha, saltna li hija mmexxija mhux mill-forza jew mill-biża’ imma mill-qawwa tat-tjubija u tas-Sliem ta’ Alla u tal-ferħ fl-Ispirtu s-Santu.

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek:

  • Tirrikonoxxi verament lil Ġesù Kristu bħala s-Sultan u s-Sid tiegħek?

  • Liema saltna tixtieq isservi – illum u dejjem fl-eternità? Is-saltna tad-dinja preżenti li tgħaddi jew dik ta’ Alla li ma tistax titkisser u li hija dejjiema?

  • Jekk naċċettaw lil Ġesù Kristu bħala s-sid u s-sultan tagħna aħna nkunu ċittadini ta’ saltna li ma tintemmx, li hija mmexxija mit-Tjubija, is-Sliem u l-Imħabba ta’ Alla. Ħajtek hija sottomessa għas-saltna ta’ Ġesù Kristu li jsaltan illum u għal dejjem fil-glorja tal-Missier fil-ġenna għal dejjem?

Talba
Mulej Ġesù Kristu, inti s-Sultan tiegħi u m’hemmx ieħor ħliefek. Kun is-sid u l-mexxej ta’ qalbi, moħħi, ġismi u ruħi. Jalla dejjem infittex li nagħmel ir-rieda tiegħek u li naqdi u nservi lis-Saltna tiegħek fuq kollox u fuq kulħadd. Ammen.