Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena

EVANĠELJU Lq 1:1-4; 4:14-21
Bidu tal-Evanġelju Mqaddes skont San Luqa

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

1. Niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla

Qed inkunu fdati li nkunu ministri tal-Kelma, bħal San Luqa dejjem irid ikollna din l-attitudni li nfittxu “bir-reqqa kollha… il-verità sħiħa” (v. 3). Wieħed mill-għanijiet fundamentali huwa li nibqgħu miftuħa għas-smigħ tal-Kelma.

2. L-identita’ ta’ Ġesù bħala Dak li l-Ispirtu straħ fuqu

  • Ġesù bħala l-Ikkonsagrat [con-sagra = imwaħħad ma’ dak li hu sagru, divin].
  • Ġesù bl-inkarnazzjoni għamel proprju hekk – tana sehem minn dan it-twaħħid tal-uman mad-divin. 
  • Ġesù bħala l-Mibgħut: Fl-identità tiegħu bħala l-Ikkonsagrat, hemm marbut magħha wkoll il-missjoni tiegħu.
  • Ftit qabel fl-istess Vanġelu, insibu lil Marija, li hekk kif l-Ispirtu s-Santu straħ fuqha marret tħaffef lejn l-għoljiet.


 

3. L-awtorità tal-esperjenza

Ġesù kien jitkellem b’awtorità: “din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (v. 21). Illum aħna u nisimgħu, jiġifieri, nisma’ b’qalb miftuħa u b’rieda li nissottometti ruħi għal din il-kelma,  il-qawwa tal-Ispirtu tkompli taħdem fina wkoll.
 

Ħalli lil Ġesù jkellem lil qalbek

  • Jien kemm jien lest li nibqa’ nfittex bir-reqqa fil-Kelma t’Alla, biex dejjem insir naf aktar mill-qrib lil dak li qed isejjaħli għal warajh?

  • “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi…” liema kienu dawk il-mumenti f’ħajti fejn dan il-kliem stajt ngħidu ma’ Ġesù? Bħalissa fejn ninsab?

  • It-trasformazzjoni fi Kristu tfisser li jkun hemm fija l-preżenza tal-frott tal-Ispirtu. Jidher dan ġo fija?

Ejja Spirtu Qaddis u imla ‘l qlub tal-fidili tiegħek.

Din il-Lectio Divina ġiet immexxijja mis-Sra Louise Laferla.